Delegazzjoni tal-Partit Laburista żaret it-tħejjijiet li għaddejjin bħalissa għall-konferenza li se tiftaħ għada minn SiGMA fil-Mediterranean Maritime Hub, il-Marsa. Kull sena, din il-konferenza tattira eluf ta’ delegati u investituri mis-settur diġitali u tal-gaming u sservi ta’ vetrina għall-viżitaturi Maltin u barranin li jmorru jaraw x’għandha x’toffri din in-niċċa ekonomika.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba qal li din hija waħda mill-konferenzi ewlenin li jinkwadraw fil-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna. Sostna li huwa ta’ sodisfazzjon li tara start-up Maltija li mas-snin kibret u espandiet l-operat tagħha, bl-organizzazzjoni professjonali u ta’ livell għoli ta’ konferenza li ssir kull sena f’Malta u madwar id-dinja kollha.
Spjega li s-settur diġitali u tal-gaming huwa importanti għal Malta għax joffri opportunitajiet ta’ karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk irrimarka li konferenza kbira bħal din tiġġenera mhux biss flus fl-ekonomija tagħna, iżda wkoll eluf ta’ ħaddiema Maltin jitqabbdu biex jaħdmu kemm f’Malta u anke fil-konferenzi li qed isiru f’diversi pajjiżi barranin.
Il-Grupp SiGMA beda fl-2014 minn idea ta’ Eman Pulis, li kiber matul is-snin u llum jimpjega mal-200 ħaddiem f’uffiċini li għandu f’Malta, Limassol, Manila, Sao Paolo u Belgrad. Il-konferenzi li jittellgħu fl-Ewropa, l-Asja, l-Afrika u l-Amerka joffru opportunità lill-investituri u l-policymakers biex jiddiskutu u jesponu l-avvanzi u x-xejriet fis-settur diġitali u tal-gaming.
Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista, immexxija minn Dr Agius Saliba, kienet tinkludi wkoll lill-Kap Eżekuttiv Leonid McKay, is-Segretarju Organizzativ William Lewis, kif ukoll id-Deputati Cressida Galea u Ray Abela.