Friday, August 22, 2025

Konferma li bidla oħra fil-Kap se tħalli lill-PN fl-istess stat fqir tal-aħħar snin

Aqra wkoll

Imeru lil xulxin u jattakkaw lil xulxin.

Hekk spiċċaw Adrian Delia u Alex Borg meta wieħed ikkonfronta lill-ieħor għall-ewwel darba fil-kampanja għall-elezzjoni li se taħtar il-ħames Kap tal-PN fl-aħħar tnax-il sena.

Wieħed illum jifhem għala l-Partit Nazzjonalista insista tant li ma jsirux dibattiti bejn iż-żewġ kandidati, għajr dan tal-Ħamis filgħaxija fuq l-istazzjon tiegħu stess. Deċiżjoni li kienet ikkundannata bl-aħrax mill-media indipendenti, l-IĠM u l-OSCE, fost oħrajn.

F’dan id-dibattitu, Delia u Borg spiċċaw jikkoreġu lil xulxin fuq l-iktar affarijiet bażiċi. Mill-bidliet li hemm bżonn fl-istrutturi interni tal-Partit Nazzjonalista sar-riżultati elettorali li kiseb fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista f’Għawdex. 

Iż-żewġ kandidati nfexxew f’attakki personali fuq xulxin. B’Borg jimplika li n-nies ma jridux kap ġellied bħal Delia, u Delia jlissen kumment, in bad taste, dwar mument sensittiv u personali tal-familja Borg.

Iż-żewġ kontestanti għamluha ċara li huma kontra riformi progressivi. Fil-fatt ftaħru li vvutaw kontra l-IVF fil-Parlament u li fuq temi simili huma jimxu biss ma’ dak li jsostni l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.

Minflok tkellmu fuq proposti biex itejjbu l-ħajja tan-nies, iż-żewġ kandidati għamlu tagħhom il-linja tal-fazzjoni estremista, b’attakki qatta bla ħabel kontra l-Gvern.

Huwa ċar iktar minn qatt qabel li Delia u Borg ma jistgħu joffru ebda sustanza biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem u biex l-ikbar prioritajiet tal-poplu ikomplu jiġu indirizzati.

Evidenti li din il-bidla fil-Kap m’hi se tbiddel xejn fil-PN. Din l-elezzjoni se tħalli lill-PN fl-istess stat fqir tal-aħħar snin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport