Monday, May 13, 2024

KONFERMA LI L-ĠLIEDA TA’ JINA BAQGĦET ĦAJJA WARA MEWTHA

Aqra wkoll

Ta’ kull sena l-Parlament Ewropew jonora lil individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tiegħu. Dan isir bil-premju Sakharov għal-libertà tal-ħsieb li s-sena li għaddiet ingħata lill-poplu Ukren għall-qlubija u l-kuraġġ tiegħu li ma jċedix għall-oppressjoni tal-għadu.

Għal darba oħra dan il-ġurnal kien preżenti fi Strasburgu għall-preżentazzjoni ta’ dan il-premju li din is-sena ngħata lil Jina Mahsa Amini u l-Moviment Nisa, Ħajja u Libertà fl-Iran. Amini kienet mara Iranjana Kurda ta’ 22 sena li ġiet arrestata mill-Pulizija f’Tehran f’Settembru 2022 wara li allegatament kienet liebsa l-hijab b’mod skorrett skont il-liġijiet stretti tal-Iran dwar il-velu u mietet fi sptar ftit tal-jiem wara dak li rriżulta li kien abbuż fiżiku li sofriet waqt li kienet f’kustodja.

Nemmnu li l-preżenza tagħna hawnhekk tista’ tassoċja ferm iktar il-protesti li segwew l-aħbar tal-mewt tagħha, liema protesti ġew immexxija min-nisa fl-istess pajjiż. Huma protestaw kontra l-liġi tal-Hijab u liġijiet oħra li skonthom kienu diskriminatorji. Nemmnu li kull persuna għandha dritt tesprimi lilha nnifisha kif tixtieq f’libertà sakemm ma jinqabiżx il-moral tal-imġiba tagħha. Nemmnu li jekk persuna tħoss li qegħdin jinkisrulha d-drittijiet tagħha, għandha titħalla tesprimi ħsibijietha u dan ngħiduh b’wiċċna minn quddiem bħala Maltin li f’pajjiżna kulħadd għandu dritt jipprotesta b’mod paċifiku mingħajr ma jonqos mir-rispett lejn l-awtoritajiet, speċjalment dawk responsabbli miż-żamma tal-ordni.

Sadanittant il-Parlament Ewropew ikkundanna ripetutament is-sitwazzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran bil-Membri Parlamentari Ewropej jitolbu għal aktar sanzjonijiet kontra r-reġim Iranjan.

Filwaqt li nirrikonoxxu d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jonora lil Jina wara mewtha, nemmnu bis-sħiħ dwar il-bżonn li l-mewt tagħha ma tkunx imfakkra biss għal dan il-premju. Nemmnu li l-aqwa premju jista’ jkun biss il-bidla fil-ħsieb u l-moral ta’ niesha biex dak li seħħ ftit iktar minn sena ilu mhux biss ma jerġax jirrepeti ruħu, iżda anke jiġu evitati inċidenzi ta’ maltrattament ta’ persuni li jispiċċaw taħt il-kustodja għax kull persuna jeħtieġ li tkun trattata b’dinjità.

Ninnutaw ukoll li anke jekk f’dan il-każ kien tard wisq qabel ħarġet l-għajta ta’ min assista dak li għaddiet minnu Jina, il-fatt li jkollok persuni li jikkonfermaw trattament nieqes mid-dinjità u vjolenza li twassal għal tixrid ta’ dmija f’dawk li sippost huma faċilitajiet korrettivi jmorru lil hinn minn dak li pajjiżna qiegħed kontinwament jaħdem għalih b’aktar riformi li joffru l-opportunità ta’ bidu ġdid għal dawk li verament jirrikonoxxu li żbaljaw.

Sport