Saturday, July 20, 2024

Konfermati… żewġ membri tal-kleru abbużaw sesswalment minn minuri

Żewġ lajċi ukoll abbużaw minn minorenni

Aqra wkoll

X’kumpens finanzjarju qegħdin jingħataw il-vittmi ta’ abbużi sesswali minn membri tal-kleru? Din hi domanda li għamel ma’ IT-TORĊA qassis li lbieraħ irreaġixxa għall-konferenza stampa li saret mis-Safeguarding Commission u li fiha tħabbar li matul is-sena 2023 ġew konfermati erba’ każi ta’ abbużi sesswali. Dawn l-erba’ każi kiene kollha fuq minuri. F’żewġ każijiet l-abbuż seħħ minn membri tal-kleru u fiż-żewġ każi l-oħra l-abbużi twettqu minn lajċi.

Il-membru tal-kleru li tkellem magħna bil-kundizzjoni tal-anonimità qalilna li “wieħed irid jara l-istampa kollha. Fuq il-każi li ġew ikkonfermati ittieħdu ċertu passi u filfatt kien hemm restrizzjoni tal‑ministeru pubbliku. Il-mistoqsija li toħroġ imma għal vittma dan hu biżżejjed? Hu tajjeb li l-vittmi ġew mgħejjuna joħorġu mit-trawma imma barra pajjiżna qegħdin iħarsu lejn sitwazzjonijiet oħra. Qiegħed nirreferi għal kwistjoni tal-kumpens.

Fl-Ewropa twaqqfu organizazzjonijiet b’inizjattiva anke tal-Konferenza tal-Isqfijiet u ammont kbir ta’ vittima qegħin jingħataw kumpens. Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu biss fuq kemm ikkonkludejna każi, imma rridu nibdew nitkellmu x’kumpens se nkunu qegħdin nagħtu lill-vittmi.”

L-istess membru tal-kleru qalilna li “jekk nieħdu Franza naraw li dawn għandhom dik li tissejjaħ l-Instance Nationale Indépendante de Reconnaissance et de Reparation (INIRR). Fl-aħħar ġimgħat din ħabbret li fis-sena 2023 ħallset somom ta’ flus lil xejn inqas minn 500 vittmi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru. Irrid ngħid li l-INIRR kienen twaqqfet tlett snin biss ilu u twaqqfet mill-Konferenza tal-Isqfijiet fi Franza. Kienet twaqqfet wara rapport li kien sar u li fih kien instab li hemm aktar minn 216,000 persuna vittma ta’ abbużi sesswali minn qassisin fi Franza, liema każi jmorru lura bejn is-sena 1950 u s-sena 2000. Hemm organizazzjonijiet oħra fl-Istati Uniti, f’pajjiżi oħra Ewropea, u fl-Iżvizzera.”

L-istess membru tal-kleru qalilna li “ma ninsewx li proprju ftit xhur, eżattament lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet inħareġ rapport xokkanti fi Spanja li wera li xejn inqas minn 200,000 tfal fi Spanja kienu abbużati minn membri tal-kleru. Dan kien ġie stabbilit minn kummissjoni indipendenti. Jekk imbagħad wieħed idaħħal ukoll l-abbuż minn lajċi, l-ammont ta’ vittma jitla’ għal xejn inkas minn 400,000 persuna. Jekk nieħdu l-Ġermanja naraw li studju kien sab li kien hemm kważi 3,700 każ ta’ abbuż bejn is-sena 1946 u s-sena 2014. Fl-Irlanda aktar minn 14,500 persuna irċevew kumpens minn skema li kien waqqaf il-gvern u li kienet għal tfal li kien abbużati f’faċilitajiet tat-tfal immexxijin mill-Knisja Kattolika”.

F’Malta fl-2023 konkluzi 26 każ… 18 kienu fuq minuri

Intant f’konferenza stampa mis-Safeguarding Commission tal-Knisja sar magħruf li din ikkonkludiet 26 każ ta’ allegat abbuż sesswali minn membri tal-kleru jew lajċi. 18-il każ kienu fuq minuri waqt li 8 kienu fuq adulti vulnerabbli.

Il-Kap tal-Kummissjoni, Mark Pellicano spjega li 4 mit‑18‑il każ kienu jitrattaw minuri u dawn il-każijiet kienu sostanzjati. Iż‑żewġ persuni involuti fil‑każijiet l‑oħra kienu lajċi.

Tnejn minn dawn il‑każijiet kienu jinvolvu abbuż sesswali minn saċerdoti djoċesani. Wieħed mis‑saċerdoti ġie referut lill‑awtoritajiet ċivili. Il‑vittma tal‑każ l‑ieħor — li meta ġie referut il‑każ kienet diġà adulta — ma xtaqitx tipproċedi b’rapport tal‑pulizija minkejja l‑għajnuna offruta mill‑Kummissjoni biex tagħmel dan. Fiż‑żewġ każijiet kienet rakkomandata restrizzjoni tal‑ministeru pubbliku.

Intqal ukoll li ż‑żewġ persuni involuti fil‑każijiet l‑oħra li jikkonċernaw minuri kienu lajċi. Wieħed mill‑każijiet kien jinvolvi abbuż sesswali, filwaqt li l‑każ l‑ieħor kien ta’ fastidju sesswali. Iż‑żewġ każijiet ġew referuti lill‑awtoritajiet ċivili.

Il-Kap tal-Kummissjoni spjega li rigward il-każijiet l-oħra kien hemm każ li kien parzjalment sostanzjat, wieħed ma kienx sostanzjat u l‑ieħor ma kienx jitqies bħala każ li jaqa’ taħt il-kummissjoni. Ħames każijiet ġew referuti lil entitajiet jew isqfijiet barra minn Malta u ġew indirizzati minnhom. Qal li s‑sitt każijiet l‑oħra ma kienu jeħtieġu l-ebda azzjoni ulterjuri mill‑Kummissjoni.

Ġie spjegat li madwar nofs il‑każijiet konklużi mis‑Safeguarding Commission matul is‑sena li għaddiet seħħew aktar minn għaxar snin ilu.

Fil-konferenza stampa intqal li l-kummissjoni għaddeja bi proċess li tirfina l‑istruttura tal-Kummissjoni biex tipprovdi aktar kontrolli bejn il‑funzjonijiet tagħna fl‑investigazzjonijiet u t‑tfittix tal‑fatti, kif ukoll li tinħoloq taqsima ġdida fi ħdan is‑Safeguarding Commission biex jingħata appoġġ adegwat lil dawk li jitressaq rapport dwarhom. Intqal ukoll li l-Kummissjoni qed tagħmel ukoll reviżjoni estensiva tal‑policies tagħha, f’dokument li se jkun ippubblikat fix‑xhur li ġejjin wara li jkun sar proċess konsultattiv.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport