Saturday, December 21, 2024

Konfiskati 300 għasafar tal-għana li aktarx iddaħħlu Malta bil-kuntrabandu

Aqra wkoll

Il-Pulizija ta’ Għawdex u uffiċjali mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi – il-Wild Birds Regulation Unit – aktar kmieni dan ix-xahar ikkonfiskaw madwar 300 għasfur tal-għana minn proprjetà f’Għawdex wara li dawn possibbilment iddaħħlu f’Malta bil-kuntrabandu mill-Italja.

Hu maħsub li dawn l-għasafar kienu se jintużaw bħala decoys għall-insib illegali tal-għasafar. Wara li probabbilment inqabdu illegalment fl-Italja, dawn l-għasafar kienu destinati li jinbiegħu fost in-nassaba lokali u minn pet shops differenti. 

L-għasafar ikkonfiskati jinkludu ħames speċi differenti: Apparell, Gardell, Verdun, Ġojjin u Sponsun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu frieħ, miżmumin magħluqin f’gabjetti żgħar ħafna. L-għasafar kollha ġew mgħoddija f’idejn BirdLife Malta biex jiġu riabilitati, irringjati u jinħelsu lura fis-selvaġġ, wara li l-veterinarji rawhom u taw il-kunsens tagħhom.

Din il-qabda ssegwi stedina mid-WBRU stess lin-nassaba biex japplikaw għal staġun ieħor taħt id-deroga għar-riċerka’ dwar l-għasafar tal-għana. 

Sadanittant, il-Kumitat ORNIS mistenni jieħu deċiżjoni formali dwar id-deroga għal din is-sena fit-13 ta’ Ottubru. L-insib ta’ għasafar tal-għana joħloq domanda kbira għal għasafar biex jintużaw bħala decoys biex jattiraw għasafar oħra bħalhom lejn l-imnasab u n-netwerks ta’ traffikanti illegali tal-għasafar li jeżistu bejn l-Italja u Malta.

Ekonomija

Sport