Sunday, November 24, 2024

Konfront miftuħ bejn is-Senegal u l-Olanda?

Aqra wkoll

Illum fil-5.00 pm, minn Grupp A, jilagħbu s-Senegal kontra l-Olanda fejn tidher li hija partita miftuħa għal kull riżultat.

Is-Senegal ikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja, billi rebħu l-grupp ta’ kwalifikaz­zjoni u baqgħu bla telfa, qabel fil-play-offs huma għelbu lill-Eġittu 3-1 bil-penalties wara aggregate ta’ 1-1 fuq żewġ legs. 

Din se tkun it-tielet Tazza tad-Dinja tas-Se­negal, bl-ewwel darba tkun fl-2002 fejn kellhom l-aħjar tmiem tagħhom meta waslu sal-kwarit-finali. 

It-tieni parteċipazzjoni tagħhom kienet fl-aħħar edizzjoni iżda ġew eliminati fil-Fażi tal-Gruppi. 

L-Olanda rebħu l-grupp tagħhom fejn tilfu biss darba. Din se tkun il-11-il darba li se jidhru fil-fażi finali iżda qatt ma rebħu dan it-tournament minkejja li waslu sal-finali fi tliet okkażjonijiet, fl-1974, fl-1978 u fl-2010. 

Is-Senegaliżi tilfu s-servizzi tal-attakkant Sadio Mane minħabba li ma laħaqx irkupra fil-ħin minn injury fl-irkoppa ma’ Bayern Munich. 

Għall-Olandiżi, Memphis Depay għadu qed jirkupra minn injury fil-koxxa u għalhekk wisq probabbli li mhux se jkun involut.

Marten de Roon tilef l-aħħar logħba ta’ Atalanta qabel il-waqfa tat-Tazza tad-Dinja, minħabba injury fil-muskoli u għaldaqstant huwa dubjuż. 

Sport