Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tal-Banda Madonna ta’ Pompei Marsaxlokk AD 1990. Din is-soċjetà kienet f’riskju reali u serju li tiffaċċja żgumbrament mis-sede tagħha minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
B’kollox il-Ministeru investa €550,000 għall-akkwist tal-proprjetà bħala l-ħlas għax-xiri tal-binja u kif ukoll €50,000 li jirrappreżentaw ħlas ta’ danni lis-sidien skont il-liġi.

B’hekk telgħu għal 14 l-ammont ta’ sede ta’ soċjetajiet mużikali li l-Ministeru kkonkluda b’mod definittiv il-proċess ta’ xiri tagħhom.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal: “Illum qed inwasslu serħan il-moħħ lil Soċjetà oħra storika li għal snin twal kienet pilastru tal-Festa Maltija fir-raħal uniku ta’ Marsaxlokk. Il-Gvern b’hekk qed jassigura li din il-proprjetà tkompli tintuża għall-ġid tal-komunità u tal-kultura. Qatt qabel ma kien hemm Gvern li investa daqshekk fil-festi – b’aktar minn €30 miljun biex isalva 14-il każin tal-banda, bil-festi jiġu rikonoxxuti ukoll mill-UNESCO bħala Wirt Intanġibbli Dinji.”
“Dan kollu juri kemm dan il-Gvern jemmen fil-wirt kulturali tagħna u fil-qawwa tal-identità Maltija – dan kollu huwa possibbli għax Malta għandha ekonomija soda u b’saħħitha,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
B’kollox il-Ministeru investa total ta’ €30 miljun fl-akkwist ta’ erbatax-il proprjetà. L-erbatax-il sede ta’ soċjetajiet mużikali li nxtraw b’mod konklussiv mill-Ministeru inkluż ta’ Marsaxlokk sa issa huma: is-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, is-sede tal-Għaqda Soċjomużikali Anici ta’ Ħal Qormi, is-sede tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, is-sede tas-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija, is-sede tal-Banda 12th May f’Ħaż-Żebbuġ u l-Banda King’s Own tal-Belt Valletta.

