Sunday, November 24, 2024

Konkluż stħarriġ annwali fl-ibħra Maltin għal sajd iktar sostenibbli

Aqra wkoll

Abbord bastiment tas-sajd, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura kkonkluda stħarriġ xjentifiku fl-ibħra Maltin bil-għan li jkun hemm iktar għarfien dwar ħut pelaġiċi żgħar, bħall-gambli. Din l-informazzjoni dwar l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ imbagħad tintuża fl-istadju tal-ippjanar kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq bażi internazzjonali għal sajd iktar sostenibbli.

Dan l-istħarriġ jagħmel parti minn dak imsejjaħ MEDITS, jew inkella l-Mediterranean International Trawl Survery u l-MEDIAS, magħruf aħjar bħala l-Mediterranean International Acoustic Survey, li jwettaq riċerka li titratta diversi aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi tas-sajd.

Fuq perjodu ta’ tliet ġimgħat, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura għamel użu minn bastiment tas-sajd li ġie attrezzat bl-aħħar għodda xjentifika biex iwettaq din ir-riċerka. Is-segretarju parlamentari saħqet li proġetti bħal dawn jgħinu biex nifhmu aktar is-sostenibbiltà tal-abbundanza, is-saħħa u l-ispeċi differenti ta’ ħut u annimali oħra fil-Baħar Mediterran. “Ir-riċerka tipprovdi l-għodda lil dan il-gvern biex nidentifikaw l-ostakli immedjati għas-sajjieda Maltin u Għawdxin u nipprevjenu dawk futuri. Iktar minn hekk, inizjattivi kollaborattivi bħal dawn jgħinuna biex niftħu opportunitajiet ġodda għar-riċerkaturi u għas-sajjieda tagħna ħalli nassiguraw qasam sostenibbli, awtoriġenerattiv u b’saħħtu għal pajjiżna”, qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Saħqet li l-gvern se jibqa’ jkun ta’ tarka għas-sajjieda kollha. “Settur tas-sajd sostenibbli jfisser pajjiż ekonomikament, ambjentalment u soċjalment b’saħħtu, għalina u għal uliedna. Ser inkomplu nappoġġaw lis-sajjieda tagħna, nipproteġu l-għajxien tagħhom, kif ukoll nassiguraw is-sigurtà tal-ikel għall-poplu Malti u Għawdxi kollu”.

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal Kap Xjentifiku fid-Dipartiment tas-Sajd Dr Jurgen Mifsud spjega li din is-sena, il-programm ta’ ħidma ffoka fuq it-teħid ta’ kampjuni minn 45 post differenti f’diversi żoni marittimi madwar pajjiżna. Fisser kif il-kampjuni kollha jiġu rreġistrati bil-għan li jiġu identifikati l-parametri bijoloġiċi kollha tal-ispeċi fil-baħar ta’ madwarna fosthom il-maturità, l-età, it-tul u l-piż tagħhom. Żibel miġbur waqt it-teħid ta’ dawn il-kampjuni jiġi dokumentat u kklassifikat ukoll sabiex tinġabar informazzjoni ambjentali, bħall-ammont ta’ microplastics eżistenti fil-Baħar Mediterran.

Sport