Thursday, March 26, 2026

‘Konna aggressivi mill-bidu u żammejna pressjoni kontinwa … dik kienet iċ-ċavetta tas-suċċess tagħna’ – Dorian Pisani

Aqra wkoll

It-tim tan-nisa ta’ Sirens Waterpolo Club kiteb paġna ġdida fl-istorja tal-waterpolo Malti meta kiseb ħames post storiku fil-European Aquatics Challenger Cup. Din il-kisba tikkonferma l-progress kbir li qed jagħmel dan it-tim f’dawn l-aħħar snin u tqiegħdu fost l-aqwa timijiet f’din il-kompetizzjoni Ewropea.

B’wirjiet konvinċenti u determinazzjoni kbira, Sirens mhux biss irnexxielhom jikkompetu ma’ timijiet barranin ta’ livell għoli, iżda wkoll jiksbu riżultat li qatt ma ntlaħaq minn tim tan-nisa Malti qabel. Din il-mixja storika hija xhieda tal-impenn, l-għaqda u l-passjoni li hemm fi ħdan it-tim, li issa qed iħares ’il quddiem b’aktar ambizzjoni lejn suċċessi oħra.

Wara dan is-suċċess, tkellimna mal-kowċ Dorian Pisani li, minkejja li ilu biss ftit ġimgħat fit-tmexxija tat-tim, diġà ħalla impatt pożittiv ħafna. Huwa stqarr li din l-esperjenza kienet sorpriża għalih. “Onestament kienet xi ħaġa li ma kontx qed nistenniha, iżda meta ġiet l-opportunità, ma stajtx ngħid le. Nirringrazzja lill-kumitat, speċjalment lil Arthur Perici u Chris Montfort, talli emmnu fija u tawni dan iċ-ċans,” qal Pisani.

Il-kowċ Malti ta’ esperjenza jispjega kif il-fatt li ilu biss tliet ġimgħat mal-grupp jagħmel dan ir-riżultat aktar speċjali. “Ma kienx faċli li f’dan iż-żmien qasir ndaħħlu ideat u sistemi ġodda, iżda t-tfajliet huma intelliġenti u fehmu malajr dak li ridt minnhom. Biddilna diversi affarijiet tattikament u rajna riżultat immedjat fil-logħob tagħna,” kompla jgħid.

Waħda mill-aktar affarijiet li impressjonat lil Pisani kienet l-għaqda fi ħdan it-tim. “Dan hu grupp li ilu jilgħab flimkien u dan jidher. L-għaqda u l-koeżjoni huma fundamentali. Mingħajr dawn ma tasal imkien, speċjalment f’kompetizzjoni ta’ dan il-livell,” sostna Pisani. Huwa żied li minkejja l-pressjoni tal-kompetizzjoni iebsa u l-ivvjaġġar, it-tim baqa’ ffukat u determinat li jagħti l-aħjar tiegħu.

Fil-fatt, Sirens kellhom prestazzjoni mill-aqwa fil-partiti tal-play-offs, fejn kisbu tliet rebħiet minn tliet logħbiet. L-aħħar waħda kienet rebħa konvinċenti ta’ 16-4 kontra San Ġiljan, fejn il-logħba kienet prattikament deċiża sa tmiem it-tieni sessjoni. “Konna aggressivi mill-bidu u żammejna pressjoni kontinwa. Dik kienet iċ-ċavetta tas-suċċess tagħna,” spjega Pisani. Huma assiguraw ukoll rebħiet kontra London Otters 16-9 u kontra Slavia Bratislava 18-7.

Dan is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda huwa riżultat ta’ ħidma kontinwa u impenn kollettiv li ilu jinbena fuq diversi snin. It-tim ta’ Sirens wera maturità kbira fil-mod kif affronta kull sfida matul il-kompetizzjoni, b’mentalità rebbieħa u determinazzjoni li ma qatgħet qatt. Il-plejers mhux biss wrew kwalità teknika fl-ilma, iżda wkoll saħħa mentali li għenithom iżommu livell għoli tal-wirja tagħhom anke f’mumenti diffiċli. Dan kollu juri li Sirens illum huma tim li kapaċi jikkompeti b’kunfidenza fuq livell Ewropew. Barra minn hekk, din il-kisba qed tkompli tagħti viżibilità lill-waterpolo tan-nisa f’Malta u tħeġġeġ aktar tfajliet jinvolvu ruħhom f’dan l-isport. L-esperjenza miksuba minn din il-kompetizzjoni mistennija tkun pedament importanti għall-futur, hekk kif it-tim se jkompli jibni fuq dawn ir-riżultati biex jilħaq miri saħansitra akbar.

Il-kowċ enfasizza wkoll id-differenza bejn il-waterpolo tan-nisa u dak tal-irġiel. “L-irġiel huma aktar semi-professjonali, filwaqt li n-nisa jagħmlu dan b’aktar spirtu volontarju. Ħafna minnhom għandhom studji jew xogħol u xorta jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jattendu għat-taħriġ u l-logħob,” qal. Minkejja dan, huwa jinsab impressjonat bil-livell ta’ dixxiplina u impenn li juru.

“Huma plejers li għandhom il-ġuħ biex jitgħallmu u jtejbu lilhom infushom. Jien kowċ eżiġenti u nistenna ħafna minnhom, iżda huma dejjem lesti li jaċċettaw l-isfida u jaħdmu aktar,” kompla jgħid. Huwa jemmen li b’aktar taħriġ u l-mod ta’ kif wieħed jiffoka fuq il-preparazzjoni fiżika, it-tim jista’ jilħaq livell saħansitra ogħla.

Pisani tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar investiment fil-waterpolo tan-nisa. “Għandna bżonn aktar timijiet u aktar opportunitajiet. Tliet timijiet huma ftit wisq jekk irridu li dan l-isport jikber. Importanti wkoll li jkun hemm aktar coverage biex dawn it-tfajliet jingħataw ir-rikonoxximent li jistħoqqilhom,” sostna.

Meta jitkellem dwar il-futur, Pisani għandu viżjoni ċara. “L-għan tagħna hu li nkomplu ntejbu u nikkompetu għall-unuri kollha fix-xhur li ġejjin. Għandna wkoll diversi kompetizzjonijiet quddiemna, inkluż impenji internazzjonali oħra, u rridu nkunu preparati sew għalihom,” qal.

Madankollu, għalih is-suċċess ma jitkejjilx biss bit-trofew. “Iva, kulħadd irid jirbaħ, imma għalija importanti wkoll li l-plejers jifhmu aħjar il-logħba u jkomplu jiżviluppaw tattikament. Jekk nistgħu nibnu tim aktar matur u organizzat, inkunu qed nagħmlu xogħol tajjeb,” spjega.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Pisani tenna li jħares lejn din l-esperjenza bħala parti minn vjaġġ aktar twil. “Nixtieq li meta xi ħadd ieħor jieħu posti, isib tim aħjar minn dak li sibt jien. Dan ifisser li nkun għamilt xogħli sew,” temm jgħid.

B’din il-kisba storika u b’mentalità pożittiva, jidher li Sirens għandhom futur promettenti quddiemhom. It-tim mhux biss qed jikteb l-istorja, iżda qed jispira ġenerazzjoni ġdida ta’ plejers biex jemmnu fil-potenzjal tagħhom u jkomplu jmexxu ’l quddiem il-waterpolo tan-nisa f’Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport