“Konna fil-lift flimkien, jiena u l-onorevoli de Marco ġejna hawnhekk u l-Ministru ħarab”. Iddikjara dan il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Ryan Callus waqt li qajjem dak li hu sejjaħlu point of order fil-parlament. Callus kien qiegħed jiġbed l-attenzjoni rigward il-fatt li l-Ministru Owen Bonnici kien qiegħed iwieġeb f’isem il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waħda mill-mistoqsijiet parlamentari.
Il-Ministru Bonnici saħaq li hu kien qiegħed iwieġeb f’isem il-Ministru Farrugia minħabba li kien infurmat li dan tal-aħħar kien involut f’impenji uffiċċjali.
Madanakollu, il-kelliema tal-Oppożizzjoni saħqu li l-Ministru Farrugia kien fil-binja tal-parlament u għalhekk kellu jkun hu li jwieġeb għad-domandi tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Bonnici qal li hu jirrispetta ħafna l-Oppożizzjoni għax hu stess kien fuq dik il-pożizzjoni snin ilu, iżda jiddispjaċih li jara kelliema min-naħa l-oħra tal-Kamra li jdawru kwistjoni dwar żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta f’ballun politiku biex jattakkaw lill-Ministru konċernat.
Intant kawża tal-kaos li qam fil-parlament, l-Ispeaker Anġlu Farrugia kellu jissospendi s-seduta għal xi minuti. Wara li kompliet is-seduta, il-battibek kompla tant li fl-aħħar ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar talab ruling biex il-Kamra tinvestiga, inkluż b’analiżi ta’ CCTVs jekk il-Ministru Farrugia kienx fil-binja f’dak il-ħin u għalhekk jekk kienx qiegħed jonqos milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu u jwieġeb il-mistoqsijiet ippreżentati lilu.