Monday, November 10, 2025

“Konna ilna nistennew li xi ħadd jerġa’ jagħti l-ħajja lill-White Rocks” – Kaylon Zammit, Sindku ta’ Pembroke 

Aqra wkoll

Wara snin twal ta’ abbandun u wegħdiet li baqgħu ma twettqux, il-White Rocks f’Pembroke se jerġa’ jieħu l-ħajja. Il-Prim Ministru Dr Robert Abela ħabbar li din iż-żona, li ilha abbandunata għal aktar minn tliet deċennji, se tinbidel f’Park Nazzjonali għall-familji. Huwa assigura wkoll li mhux se jinbnew aktar binjiet fuq din l-art, iżda se ssir żona miftuħa għall-pubbliku u għall-familji Maltin u Għawdxin. 

Din id-dikjarazzjoni ġiet milqugħa b’sodisfazzjon kbir mis-Sindku ta’ Pembroke, Kaylon Zammit, li f’intervista ma’ dan il-ġurnal qal li l-proposta kienet ilha tiġi maħsuba minn żmien il-leġislatura preċedenti, u issa wasal iż-żmien li l-ħolma ta’ ħafna residenti ssir realtà. 

Il-White Rocks, li jokkupaw madwar 450,000 metru kwadru ta’ art bejn Pembroke u Baħar iċ-Ċagħaq, kienu għal żmien twil simbolu ta’ nuqqas ta’ viżjoni u ta’ opportunitajiet mitlufa.

Kull min kien qed iżur dan il-post seta’ jara biss bini mitluq u mħarbat, twieqi mkissra, bibien migrufin, ħitan imkissra u ħafna vandaliżmu. Fuq kull kantuniera tidher il-marka tal-abbandun: travi miksura, frak, u ħġieġ imfarrak mifrux mal-art.

Iżda fil-ħafna snin li għaddew, il-post sar ukoll mekka għal artisti tat-triq. Eluf ta’ grafitti, pitturi u murali kienu qed iżejnu l-ħitan tal-binjiet, xi wħud saħansitra fuq tliet sulari għoljin. Illum il-White Rocks jista’ jitqies bħala gallerija miftuħa ta’ arti urbana.

Il-kumpless tal-White Rocks inbena fl-1960 bħala kwartieri għall-uffiċjali tal-Forzi Armati Brittaniċi, magħruf dak iż-żmien bħala St Patrick’s Officers Married Quarters.

Meta l-bażi militari f’Pembroke ingħalqet fl-1979, is-Segretarjat tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien bidel l-użu tal-bini biex iservi bħala akkomodazzjoni turistika. Għal ħafna Maltin, il-White Rocks jibqgħu mfakkra bħala waħda mill-ewwel akkomodazzjonijiet għall-istudenti tal-lingwa Ingliża li kienu jiġu Malta fis-snin tmenin u disgħin.

Madankollu, fl-1995 il-post ġie abbandunat kompletament. Minn dakinhar, kull amministrazzjoni ppruvat issib soluzzjoni, iżda l-proġetti kollha sfaw f’xejn.

Tul is-snin, diversi Gvernijiet ppruvaw jipprivatizzaw il-White Rocks jew jittrasformawhom f’ċentru ta’ attività ekonomika u sportiva.

Fi żmien Gvern Nazzjonalista, kien hemm żewġ tentattivi biex l-art tingħata għall-iżvilupp ta’ raħal sportiv u ta’ divertiment, iżda dawn ma waslu imkien. Aktar tard, fl-2018, Gvern Laburista kien identifika konsorzju privat li ried joħloq proġett turistiku ta’ livell għoli, inkluż lukanda ta’ seba’ stilel.

Iżda n-negozjati waqfu minħabba nuqqas ta’ qbil fuq il-valur tal-art, u l-post baqa’ mitluq.

Ma’ L-Orizzont, is-Sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit qal li din il-ħolma kienet ilha titkellem fuqha l-Kunsill Lokali u ħafna residenti għal snin twal. “Din hija art li tappartjeni lil Pembroke u lil Malta kollha. Il-ħsieb li ssir park nazzjonali jagħti tama ġdida lil din iż-żona li ilha mitluqa għal wisq żmien,” qal Zammit.

Huwa żied jgħid li l-proġett imħabbar mill-Prim Ministru huwa ambizzjuż iżda realistiku, u li l-Kunsill Lokali se jaħdem id f’id ma’ kull entità involuta biex dan il-proġett isir b’mod sensibbli u sostenibbli.

“Konna ilna nistennew li xi ħadd jerġa’ jagħti l-ħajja lill-White Rocks. Kull resident ta’ Pembroke jaf x’kien dan il-post u kemm għandu potenzjal. Illum nistgħu ngħidu li dan il-potenzjal se jibda jissarraf f’realtà,” qal is-Sindku b’sodisfazzjon liema bħalu.

Zammit tenna li l-Kunsill se jkun vuċi attiva fil-proċess ta’ ppjanar u diskussjoni. Il-pass li jmiss, qal, huwa li l-entitajiet kollha jpoġġu madwar mejda waħda u jiddiskutu l-proposti fil-fond.

“Aħna rridu niżguraw li dak li jsir jagħmel sens għar-residenti tagħna, mhux biss f’termini ta’ spazju miftuħ iżda wkoll ta’ aċċessibbiltà, sigurtà u sostenibbiltà,” kompla jgħid.

Il-Prim Ministru Abela, fil-dettalji li ta s’issa, qal li l-White Rocks se jkunu park nazzjonali għall-familji Maltin u Għawdxin – spazju fejn kulħadd jista’ jgawdi l-natura, il-veduti tal-baħar u l-istorja tal-post.

L-għan hu li tinħoloq żona ħadra estensiva, b’mogħdijiet għall-mixi u r-roti, spazji għall-attivitajiet sportivi, u faċilitajiet rikreattivi għall-familji. L-enfasi se tkun fuq żvilupp sostenibbli, restawr tal-bini storiku, u konservazzjoni ambjentali.

L-idea hija li l-post jitħaddem minn entitajiet pubbliċi u mhux minn investituri privati, sabiex l-art tibqa’ ta’ kulħadd.

Barra l-aspetti ambjentali u rikreattivi, il-proġett mistenni jinkludi wkoll elementi ta’ edukazzjoni u kultura. Jista’ jiġi propost ċentru ta’ interpretazzjoni dwar l-istorja militari ta’ Pembroke u żona għall-arti urbana, li tirrikonoxxi l-kontribut tal-artisti tal-grafitti li għal snin twal żammew il-post ħaj b’kreattività tagħhom.

Is-Sindku Zammit sostna li dan hu mod kif jingħata valur ġdid lil dak li kien qabel simbolu ta’ telfien.

“Il-White Rocks jistgħu jsiru eżempju ta’ kif art mitluqa tista’ tinbidel f’ġojjell nazzjonali, jekk ikollna viżjoni, kollaborazzjoni u impenn reali,” temm jgħid.

Illum, wara snin ta’ wegħdiet li ma seħħux, ir-residenti ta’ Pembroke jistgħu finalment iħarsu lejn il-White Rocks b’tama ġdida. Il-proposta tal-Gvern biex jinħolqu park nazzjonali u spazju għall-familji hija pass konkret lejn riġenerazzjoni urbanistika u ambjentali li tgħaqqad il-komunità.

Kif temm jgħid Kaylon Zammit: “Din mhijiex biss rebħa għal Pembroke, imma għal Malta kollha. Meta art bħal din tingħata lura lin-nies, tkun qed tagħti lura d-dinjità u l-valur veru ta’ pajjiżna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport