Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Missieri minn dejjem kien jeħodni nara l-logħob il-Pixxina u minn hemm inġbidt lejn il-logħob tal-waterpolo. Minn etá żgħira bdejt nipprattika l-għawm biex aktar tard ta’ seba’ snin bdejt nittrenja l-waterpolo.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim ta’ taħt is-16-il sena ta’ San Ġiljan ASC.
Fil-bidu ma kinitx faċli li mxejt minn ma’ Marsaskala għal ma’ San Ġiljan. Mort f’ambjent kompletament differenti u ħassejtni ftit skomdu. Iżda aktar ma bdejt nilgħab u nittrenja ma’ San Ġiljan bdejt nidra t-tim u nħossni aktar kunfidenti. Issa li wasalna fi tmiem il-kampjonat, inħoss sodisfazzjon kbir għar-riżultati li ksibna bħala tim.
X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-kampjonat, fejn fil-finali għelibtu lil Neptunes bl-iskor strett ta’ 9-8?
Naħseb li konna tim magħqud ħafna u kulħadd kien motivat. Jien nemmen li l-kowċ kien parti kbira f’din ir-rebħa minħabba l-istrateġiji tiegħu. Konna dixxiplinati fit-taħriġ u ppreparajna ruħna kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Nemmen li l-waterpolo Malti miexi ‘l quddiem ħafna u qed niksbu riżultati sodisfaċenti. Meta qed nikkompetu kontra pajjiżi akbar minna qed niksbu riżultati tajbin ukoll.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fl-aħħar snin sar investiment ta’ aktar pixxini u proprju għalhekk qed ikollna ħafna aktar ħin għat-taħriġ. Nixtieq nara l-Klabb tiegħi Marsaskala li jkollu l-pixxina tiegħu wkoll. Dan żgur li jkun aħjar biex aktar tfal minn Marsaskala jibdew jilagħbu l-waterpolo.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Nittama li nkompli nikber bħala plejer u jkolli l-opportunitá li nilgħab barra minn Malta. Bla ebda dubju nixtieq li nkompli niġi magħżul biex nirraprezenta lil pajjiżi fit-tim nazzjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Kull plejer għandu jieħu t-taħriġ bis-serjetá u jitfa’ rasu hemm u jsewgi l-logħob biex jitgħallem aktar malajr. Irid jagħmel sagrifiċċji u ma jfallix taħriġ!