Tuesday, April 7, 2026

KONNETTIVITÀ: IL-LIFELINE TA’ GĦAWDEX

– Michael Galea, President tal-Kamra tan-Negozji Għawdxin

Aqra wkoll

“Il-konnettività bejn Għawdex u Malta tibqa’ l-aktar pilastru fundamentali.” Hekk stqarr Michael Galea, President tal-Kamra tan-Negozji Għawdxin waqt li kien qiegħed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Galea qal li l-pożizzjoni tal-Kamra kienet u tibqa konsistenti: “Il-konnettività mhix kwistjoni ta’ konvenjenza, iżda lifeline ekonomiku u soċjali.”

Huwa qal li matul din is-sena, il-Kamra kompliet taħdem b’mod strutturat fuq dan il-qasam, u f’dan il-kuntest nilqgħu b’mod pożittiv it-twaqqif tal-Imġarr Task Force. 

Waqt l-indirizz tiegħu, Galea sostna li huwa sinifikanti li l-Gozo Business Chamber hija rappreżentata direttament f’din it-task force, li l-mira tagħha hu li tagħti pariri lill-Gvern b’mod tekniku u strateġiku dwar kif tista’ titjieb il-konnettività bejn il-gżejjer tagħna fit-tul.

“Dan ifisser li l-Kamra qed tkun parti mis-soluzzjoni. It-titjib fil-konnettività jrid ikun sostenibbli, sigur u akkumpanjat minn infrastruttura adegwata, kemm fl-Imġarr kif ukoll fiċ-Ċirkewwa. Mingħajr dan, it-tkabbir ekonomiku f’Għawdex jibqa’ wieħed limitat,” kompla jgħid Galea.

Il-President tal-Kamra tan-Negozji Għawdxin jgħid li dwar il-kwistjoni tal-mina, il-pożizzjoni tal-Kamra kienet ċara mill-bidu nett: “aħna favur konnettività permanenti, għax nemmnu bis-sħiħ li konnettività aktar b’saħħitha tfisser li Għawdex jista’ jimxi ‘l quddiem ekonomikament b’pass aktar mgħaġġel u kompetittiv, kif qed tagħmel Malta. Fl-istess ħin ma nistgħux ninjoraw il-fatt li dan il-proġett wassal għal diverġenzi fl-opinjoni pubblika, speċjalment ta’ natura ambjentali u infrastrutturali.”

Galea kompla jgħid li “filwaqt li l-Kamra temmen bi sħiħ li l-mina hija l-aħjar soluzzjoni għal Għawdex, il-mistoqsija vera m’għandhiex tkun jekk issirx il-mina, imma kif ser nippreparaw lil Għawdex għaliha. 

“Jekk il-konnettività ssir permanenti, il-popolazzjoni hemm ċans li aktar tista’ tikber, l-attività ekonomika tiżdied, u l-pressjoni fuq l-art u s-servizzi tkun akbar. 

“Dan ifisser li rridu nsaħħu l-ippjanar, nipproteġu l-ambjent, ninvestu f’infrastruttura soda u b’saħħitha, u noħolqu mekkaniżmu ta’ detterent u regolamentazzjoni li jiżguraw li t-tkabbir ikun sostenibbli u mhux kaotiku. Għalhekk ma għandniex inwarrbu din is-soluzzjoni.”

Għawdex jista’ jiggwadanja bil-kbir

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija sostna li bil-proġett tal-mina Għawdex jista’ jiggwadanja bil-kbir. Stqarr li jekk isir se jkun hemm aktar investiment, aktar impjiegi ta’ kwalità u aktar integrazzjoni ekonomika. Dan jista’ jseħħ biss jekk hemm viżjoni ċara u governanza soda. 

“Għal ħafna Għawdxin, il-vjaġġ bil-vapur lejn Malta llum hu kważi forma ta’ taxxa oħra ta’ kuljum; konnettività permanenti tista’ tneħħi dan l-iżvantaġġ. Fl-aħħar mill-aħħar din hi deċiżjoni nazzjonali li taffettwa lill-pajjiż kollu, iżda bi mpatt dirett fuq Għawdex. Għalhekk, il-proċess irid ikun ibbażat fuq informazzjoni trasparenti, studji serji u livell ogħla ta’ fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet. Mingħajr fiduċja pubblika, ebda proġett ta’ din il-portata ma jista’ jirnexxi,” kompla jgħid fid-diskors tiegħu.

Infrastruttura u l-konnettività

Galea kompla jispjega li l-konnettività twassalna b’mod naturali għall-infrastruttura. Qal li l-Kamra kompliet tagħmel pressjoni favur proġetti infrastrutturali strateġiċi, fosthom sistema ta’ toroq aħjar u aktar effiċjenti, iżda fuq kollox il-bżonn ta’ sptar ġdid f’Għawdex.

“Dan il-progett mhuwiex biss investiment fis-saħħa biss. Huwa proġett li qed jinvesti fil-kwalità tal-ħajja, fl-attrazzjoni ta’ professjonisti, u fil-futur soċjali u ekonomiku tal-gzira. 

Għawdex jistħoqqlu servizzi ta’ livell għoli, bħall-bqija tal-pajjiż. Għalhekk aħna sodisfatti li qed naraw investimenti kontinwi fis-servizz u fit-tagħmir li qed isir fl-Isptar ta’ Għawdex,” temm jgħid Michael Galea, President tal-Kamra tal-Kummenċ Għawdxija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport