Saturday, December 21, 2024

Konrad Mizzi jagħżel li ma jipparteċipax fil-laqgħa tal-PAC dwar l-Electrogas

Aqra wkoll

L-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi llum għażel li ma jipparteċipax fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi li huwa mmexxi mill-Partit Nazzjonalista dwar il-proġett Electrogas.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, Mizzi qal: “Dan l-eżerċizzju mhu xejn ħlief attakk partiġġan fuq il-proġett għal qalba minn enerġija li tħammeġ ibbażata fuq Heavy Fuel Oil għal energija ibbażata fuq gass u sorsi rinnovabli, proġett li ġab tant benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-benefiċċji jinkludu fost l-orħos tariffi tal-elettriku fl-Ewropa, in-nuqqas fl-emissjonijiet, l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa, il-fatt li salvajna l-Enemalta u li tajna spinta lill-ekonomija ta’ pajjiżna.”

Qal li huwa ċar li l-aġenda politika tal-Partit Nazzjonalista kienet mil-bidu nett kontra l-qalba għall-użu tal-gass naturali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.

Żied jgħid: “Il-proġett tal-Electrogas diġà ġie skrutinizzat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni.”

Temm jgħid li huwa għalhekk li iqis is-sejħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi bħala “xejn għajr eżerċizzju politiku partiġġan imbuttat mill-Partit Nazzjonalista”.

Ekonomija

Sport