Saturday, November 16, 2024

Konrad Mizzi jgħid li ma jagħmilx sens li jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għax hija inkjesta politiċizzata

Aqra wkoll

L-eks-Ministru Konrad Mizzi indika li mhux lest li jikkopera mal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hekk kif iddeskriva l-istess inkjesta pubblika bħala teatrin.

Fi stqarrija huwa qal li membri ewlenin tal-Partit Nazzjonalista għandhom rwol kruċjali f’din l-inkjesta, u għaldaqstant dan ippolitiċizza l-inkjesta u l-aġenda tagħha.

Tenna li bħala Ministru tal-Gvern dejjem wettaq dmirijietu fl-aħjar interess tal-poplu u tal-pajjiż. Qal safa vittma ta’ tfigħ ta’ tajn fil-konfront tiegħu, mingħajr qatt ma tressqet farka prova kontrih. 

Żied jgħid li l-inkjesta marret ’il bogħod mill-iskop oriġinali tagħha u wera t-tħassib tiegħu li qed tintuża biex titmexxa aġenda politika. Saħaq li “Din kellha tkun inkjesta marbuta ma’ delitt ikrah: il-qtil ta’ ġurnalista. Fl-ebda mument ma saret xi allegazzjoni dwari f’dan il-kuntest.”

Kien għalhekk li huwa qal li ma jagħmilx sens għalih li jixhed f’din l-inkjesta pubblika quddiem żewġ esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista fejn jidher bi-ċar li l-għan tagħhom huwa biss li jagħmlu ħsara lix-xogħol u t-track record tal-Gvern.

Temm jgħid li “Filwaqt li jien nilqa’ kwalunkwe investigazzjoni leġittima, jiena nisħaq li din għandha ssir fir-rispett sħiħ tal-liġi. Minħabba li bħalissa għaddejjin numru ta’ investigazzjonijiet minn diversi istituzzjonijiet, jiena qed nistenna full disclosure mingħandhom biex inkun nista’ nnaddaf ismi. Napprezza li jkun hemm min ma jaqbilx, imma nittama li xorta jifhmu li ma għandi ebda dmir li nħalli lill-assassini politiċi tiegħi japprofittaw ruħhom miċ-ċirkostanzi. ”

Ekonomija

Sport