Il-konslu onorarju Aldo Cutajar u martu Isabel qed jinżammu taħt arrest wara li ġew mixlijin b’ħasil ta’ flus.
Il-koppja, li għandha 55 sena u 52 sena rispettivament u tgħix in-Naxxar, tressqet quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli u wieġbet mhux ħatja.
Huma ġew akkużati li fl-14 ta’ Awwissu li għadda, u fis-snin ta’ qabel, ħaslu flus waqt li r-raġel waħdu kien mixli wkoll li bħala uffiċjal pubbliku ikkommetta reat meta kien jaf li ma kellux jagħmlu.
L-Ispettur Lianne Bonello spjegat lill-Maġistrat Demicoli kif l-investigazzjoni tal-Pulizija bdiet b’rabta ma’ kumpanija li fiha kienet involuta l-koppja u li marret Ċipru għal raġunijiet ta’ taxxa.
Peress li fil-kumpanija kien hemm miljuni ta’ flus fuq perjodu qasir il-Pulizija issuspettat li seta kien hemm ħasil ta’ flus u għalhekk għamlet tfittxija fid-dar tal-koppja.
Fid-dar instabu madwar €500,000 fi flus kontanti kif ukoll ġojjellerija u oġġett ta’ valur uħud minnhom tal-kollezzjoni.
L-Ispettur Bonello żiedet li l-koppja qaltilha li xtrat l-oġġetti bi flus kontanti imma ma qalulhix minn fejn ġew dawn il-flus.
Hija semmiet ukoll li l-Pulizija sabet li l-koppja għandha kont Dubaj li fih bejn $300,000 u $400,000.
L-Avukat Roberta Bonello, li dehret għall-koppja, talbet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati u infurmat lill-imsemmija maġistrat kif hija kienet qed tidher għalihom f’dan l-istadju u li meta tibda l-kumpilazzjoni kien se jiddefendihom l-Avukat Joseph Giglio.
L-Ispettur Bonello oġġezzjonat għax sostniet li għad hemm diversi persuni li jridu jixhdu fosthom nutara u nies li biegħu oġġetti lill-koppja waqt li semmiet anke kif l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ taxxa għadhom għaddejjin.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Maġistrat Demicoli ċaħdet it-talba tal-koppja għall-ħelsien mill-arrest waqt li laqgħet dik tal-prosekuzzjoni għall-iffriżar tal-assi.