L-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex qed tniedi Konsultazzjoni Preliminari tas-Suq sabiex tiġi determinata l-fattibilità b’rabta mal-iżvilupp potenzjali ta’ parkeġġ fuq diversi livelli kkumplimentat bi spazju aħdar miftuħ. Dan il-proġett hu propost li jsir fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fir-Rabat.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri sostna li din hi proposta oħra li ser tiġi studjata biex eventwalment dawk interessati jkunu jistgħu jissottomettu l-offerta tagħhom sabiex jibnu u joperaw din il-faċilità fil-qalba tal-Belt Victoria.
“Nemmnu li din iż-żona, mifruxa fuq medda ta’ 3,100 metru kwadru għanda potenzjal li taqdi funzjoni ferm akbar minn dik tal-lum fejn preżentement qed tintuża bħala parkeġġ. Permezz tal-proposta ta’ parkeġġ fuq diversi livelli u spazju aħdar fuq, nemmnu li nkunu qed nimmassimizzaw dan is-sit filwaqt li nindirizzaw bosta sfidi preżenti fil-Belt Victoria,” qal il-Ministru Clint Camilleri.
Huwa fakkar ukoll kif din l-inizjattiva mhijiex waħda iżolata imma parti minn kullana ta’ proġetti oħra intiżi biex jindirizzaw l-isfida tat-traffiku f’Għawdex. “Qed naħdmu fuq Triq ta’ Wara s-Sur li hi kważi lesta u li permezz tagħha, bottleneck eżistenti ser tiġi eliminata. Ser inkunu qed nibnu wkoll Triq Ġorġ Pisani li għandha ttaffi ħafna mit-traffiku miċ-ċentru tar-Rabat, kif ukoll qed naħdmu fuq il-proposta tal-Victoria Park fejn apparti li ser noħolqu spazju aħdar, ser inkunu qed noħolqu parkeġġ ieħor taħt l-art,” qal il-ministru.
Mario Borġ, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, qal li l-Awtorità qed taħdem fuq dan il-proġett peress li hu parti mill-Istrateġija Reġjonali għal Għawdex. Is-Sur Borġ fakkar li dan il-proċess jagħlaq fis-16 ta’ Settembru 2024.