Saturday, December 21, 2024

Konsultazzjoni dwar l-irwol ta’ project supervisors u s-setgħat tagħhom

Aqra wkoll

Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, bdew proċess ta’ konsultazzjoni dwar emendi proposti għall-Avviż Legali 88 tal-2018 li jitratta l-Ħtiġijiet Minimi ta’ Saħħa u Sigurtà għal Xogħol f’Siti ta’ Kostruzzjoni.

Permezz tal-emendi proposti, is-superviżuri tal-proġetti (project supervisors) se jingħataw is-setgħat kollha meħtieġa f’siti ta’ kostruzzjoni taħt il-kontroll tagħhom biex ikunu jistgħu jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom. Dawn ir-responsabbiltajiet qed jiġu ċċarati wkoll fl-Avviż Legali propost.

Qed tiżdied klawsola ġdida ta’ non-responsabbiltà sabiex l-ebda azzjoni ċivili jew proċeduri oħra għad-danni ma jkunu jistgħu jinbdew minn detenturi ta’ dmirijiet kontra s-superviżur tal-proġett għal xi att li jkun sar skont ir-regolamenti sakemm is-superviżur tal-proġett ma jkunx aġixxa b’mod negliġenti.

Barra minn hekk, l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-kuntratturi, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema se jkunu spjegati f’aktar dettall biex ikun hemm aktar ċarezza dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom.

Kopja tal-abbozz tar-regolamenti tista’ titniżżel mis-sit tal-internet tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) mil-link: https://www.ohsa.mt/consultation.

Kull persuna jew entità li tixtieq tgħaddi xi kummenti dwar ir-regoli li qed jiġu proposti hija mistiedna tagħmel dan billi tikkuntattja lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fuq l-indirizz postali: 17, Triq Edgar Ferro, Pieta’ PTA 1533 jew billi tibgħat email fuq [email protected]. Is-sottomissjonijiet jistgħu jibqgħu jintbagħtu sat-30 ta’ Marzu 2023.

Ekonomija

Sport