Kemm-il darba jqum l-argument dwar jekk tfal għandhomx ikollhom sit soċjali. Min jgħidlek li din għandha tapplika għal dawk li għandhom inqas minn 12-il sena. Hemm oħrajn jgħidulek li għandha tapplika għal dawk li għandhom 14-il sena.
Hemm min jgħid li qabel ikollhom sittax-il sena m’għandux ikollhom sit soċjali. L-argumenti ivarjaw, imma lil hinn minn dan hu fatt li l-midja soċjali qiegħda taffettwa lit-tfal. Min jgħid li saru aktar magħluqin fihom infushom. Oħrajn jgħidulek li saru ma jiċċaqilqux mid-dar.
Hemm min jargumenta dwar problemi ta’ kommunikazzjoni u anke li din qiegħda twassalhom anke biex iweġġgħu lilhom. infushom. Quddiem dan, ilbieraħ il-Gvern ‘Green Paper’ li permezz tagħhom qiegħed jipproponi li jitnaqqas l-aċċess tal-midja soċjali għal tfal ta’ taħt it-13-il sena. Qiegħda sir proposta ukoll biex ikunu kkunsidrati mekkaniżmi ta’ sorveljanza u infurzar f’kollaborazzjoni mal-ġenituri.
Din il-Green Paper, għandha l-għan li permezz tagħha ssir diskussjoni dwar użu aktar ristrett tal-media soċjali għat-tfal. Dan sar wara li x-xahar li għadda tħabbar it-twaqqif ta’ kumitat tekniku li se jkun qed iħejji rapport b’rakkomandazzjonijiet dwar l-informazzjoni li se tkun qiegħda tinġabar waqt il-konsultazzjoni.
Is-Segretarju Parlametari għall-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li r-riforma għandha l-għan bħala għan primarju l-prtezzjoni tat-tfal u nies vulnerabbli, dejjem fir-rispett lejn il-libertà tal-espressjoni.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-tfal Michael Falzon enfasizza li għandu jkun inidirizzat is-‘self harm’, fejn spjega li tripplaw dawk li jagħlu ħsara lilhom innfushom.
Ta’ min jgħid li fl-Awstralja ittieħdet id-deċiżjoni li tfal inqas minn 16-il sena ma jistax ikollhom ‘account’ fuq il-midja soċjali. Filfatt ftit jiem ilu bdew jiġu notifikati dawk li għandhom bejn 13 u 15-il sena li l-‘accounts’ tagħhom kienu se jibdew jingħalqu mill-4 ta’ Diċembru. Huwa stmat li hemm xejn inqas minn 150,000 ‘account’ ta’ Facebook u 350,000 ieħor ta’ Instagram li se jkunu affetwati.
Il-projbizzjoni tal-użu tal-midja soċjali fl-Awstralja, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fid-dinja, tidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Diċembru b’kumpaniji jistgħu jeħlu multa sa kważi 50 miljun dollaru Awstraljan jekk jonqsu milli jieħdu provedimenti adekwati biex iwaqqfu lil tfal taħt is-sittax-il sena milli jiftħu ‘account’.


