Monday, December 9, 2024

Konsultazzjoni maż-żgħażagħ irriżultat f’rakkomandazzjonijiet importanti fil-Labour Migration Policy – il-PM Robert Abela f’laqgħa mal-KSU

Aqra wkoll

“Konsultazzjoni maż-żgħażagħ irriżultat f’rakkomandazzjonijiet importanti rigward il-Labour Migration Policy, li se jkunu qed jiġu inklużi fid-dokument finali li se jkun qed joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.” Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif iltaqa’ mal-eżekuttiv elett tal-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, sabiex jirrimarka l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna.

Fil-fatt, Dr Abela kien qed jitkellem dwar rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Youth Advisory Forum reċentement u li jitlaqqa’ min tal-inqas darba f’xahar sabiex jiddiskuti temi importanti f’pajjiżna. Bl-istess mod mal-KSU, il-Prim Ministru Robert Abela sostna l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ laqgħat u kif jixtieq li dawn il-laqgħat mal-KSU jibqgħu jinżammu b’mod regolari. Spjega li l-Labour Migration Policy se tkun qed tindirizza s-settur tax-xogħol u tkompli tieħu deċiżjonijiet importanti li diġà ttieħdu favur id-dinjità tal-ħaddiema u l-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’setturi fejn meħtieġ biss.

“Nieħu gost dejjem nisma’ mingħandkom iż-żgħażagħ u kull laqgħa li jkolli maż-żgħażagħ intiha valur kbir. Ikolli l-Youth Advisory Forum. Il-ġimgħa l-oħra kelli laqgħa oħra – inqisha daqs laqgħa tal-Kabinett – Kabinett taż-żgħażagħ. Inħares ’il quddiem li nkompli nitkellem magħkom bħala Kunsill”, sostna l-prim ministru.

Intant, Dr Abela aċċenna għal Malta Vision 2050 u kif din tinkorpora fiha anke l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ fosthom dwar is-settur edukattiv u dak ambjentali. “Għandna miri strateġiċi dwar dan. Għandna Malta Vision 2050 b’għanijiet li rridu nilħqu sal-2035, għaxar snin oħra biss. Din il-viżjoni, intom tridu tkunu l-katalisti li tħaddmuha u tagħmluha realtà. Intom iż-żgħażagħ li tridu taraw għada aħjar mil-lum,” qal il-prim ministru filwaqt li spjega wkoll li dan il-gvern se jkompli jagħti importanza lil temi oħra importanti bħas-saħħa mentali, li fl-aħħar Budget din ir-realtà kompliet tingħata aktar viżibbiltà permezz ta’ servizzi ta’ ħarsien għas-saħħa mentali li jkunu aktar fil-komunità.

Dr Abela temm isostni li fuq kollox kull tema li niddiskutu, kull punt li nqajmu rridu nagħmluh kontra l-istatus quo. “Intom l-aktar li tistgħu tiġġieldu dan. Se nibqgħu ninvestu fiż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni tal-istudenti għax il-futur ta’ pajjiżna jiddependi minnkom. Nemmnu fikom u konvinti li pajjiżna għandu futur sabiħ,” qal il-prim ministru.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport