Il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ management plan għall-Belt Valletta bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li mil-lum, għal perjodu ta’ tmien ġimgħat dawk kollha interessati jistgħu jaċċessaw id-dokument ta’ proposta ta’ management plan għall-Belt Valletta u jibagħtu l-kummenti u suġġerimenti tagħhom dwaru.
Waqt briefing għall-ġurnalisti, il-Ministru Bonnici ppreżenta d-dokument li tfassal minn tim ta’ esperti tul ix-xhur li għaddew. Il-Management Plan għall-Belt Valletta huwa rekwiżit mill-UNESCO għal kull sit li jagħmel parti mil-lista tal-Wirt Dinji.
Dan il-management plan kif abbozzat, li se jkun l-ewwel management plan li qatt kellha l-Belt Valletta, huwa mqassam fuq seba’ kapitli, bis-seba’ kapitlu jkun l-qafas ta’ pjan ta’ azzjoni għas-snin li ġejjin.
Il-Ministru Bonniċi spjega li l-management plan se jkun qed jitratta dawk li jissejħu dawk l-elementi li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ ‘outstanding universal values’, li jagħżlu lill-Belt Valletta bħala wirt uniku tal-umanità.
Fost dawn l-elementi hemm l-awtentiċità tal-belt, l-integrita’ tagħha, u l-komunità Beltija bil-wirt tanġibbli u intanġibbli tagħha. Huwa saħaq li l-komunità huwa ċ-ċentru li fuqu huwa mibni dan il-pjan, anke skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-UNESCO.
L-għan ta’ dan il-pjan huwa li filwaqt li tkun assigurata l-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-belt storika, il-belt tibqa’ iċ-ċentru ħaj u vibranti ta’ pajjiżna, xi ħaġa li baqgħet karatteristika tagħha sa minn meta twaqqfet.
Kull min jixtieq li jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika jista’ jagħmel sat-22 ta’ Frar, 2024 dan billi jaċċessa d-dokument mis-sit: https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/default.aspx.
Il-kummenti jistgħu jintbagħtu b’email fuq [email protected], kif ukoll bil-posta: 21, Triq l-Arċisqof, Valletta.