Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, permezz tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-Istandardizzazzjoni tal-Aperturi tal-Bini Residenzjali f’Malta.
Dawn l-istàndards huma r-riżultat tal-impenji li Malta għandha mal-UE biex inkunu konformi mal-liġijiet Ewropej li jeħtieġu l-introduzzjoni ta’ stàndards għad-dimensjonijiet tal-aperturi interni u esterni ta’ bini residenzjali.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li s-sena li għaddiet, l-ERA ppubblikat l-Istrateġija dwar l-Iskart tal-Kostruzzjoni u t-Twaqqigħ għal Malta, strateġija biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni f’Malta li se tagħti prijorità li tisatabilixxi stàndards għar-rimi tal-iskart li ġej mill-industrija tal-bini u l-introduzzjoni ta’ qafas regolatorju għall-immaniġjar ta’ skart bħal dan.
Il-Ministru saħaq li dawn l-istàndards qed jiġu proposti wara konsultazzjonijiet mal-ERA, il-PA u l-BICC. L-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni wettqet il-proċess meħtieġ għat-tfassil ta’ dawn l-istàndards. Il-konformità ma’ dawn l-istàndards għandha tkun rekwiżit essenzjali għall-ħruġ ta’ Permess ta’ Żvilupp Eżegwit mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Dawn l-istàndards għandhom jiġu inkorporati fil-qafas regolatorju u Avviż Legali għandu jiġi ppubblikat wara l-konklużjoni tal-konsultazzjoni meħtieġa flimkien ma’ dawn l-istàndards.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Jesmond Muscat qal li l-Awtorità se jkollha rwol ċentrali fit-twaqqif ta’ dawn l-istàndards permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika. Permezz ta’ dan il-proċess, l-awtorità tkun f’pożizzjoni li tifhem aħjar l-opinjonijiet tal-produtturi u d-disinjaturi tal-aperturi f’konformità mal-għan tal-Gvern li jistabbilixxi t-triq lejn sistema tal-immanigjar tal-iskart tal-kostruzzjoni u żvilupp effiċjenti u effettiv.
Is-CEO saħaq li l-awtorità qed tippreżenta dokument tekniku, li qed ikun disponibbli online fuq bca.org.mt, biex il-pubbliku u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jifformulaw opinjoni.
Il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali huma mħeġġa jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. Wiehed jista jsib aktar informazzjoni fuq il-website tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u jissottometti kummenti u suġġerimenti, permezz ta’ email fuq [email protected]. Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika se jintemm fit-28 ta’ Novembru 2022.