Waqt laqgħa oħra dwar ir-riforma tal-użu tal-midja soċjali fost l-adolexxenti, li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela wera sodisfazzjon li bosta persuni għamlu għażla konxja li jipparteċipaw f’din id-diskussjoni dwar settur, dak tal-midja soċjali, li kull ma jmur qed jikber fl-importanza tiegħu. Huwa qal li l-parteċipazzjoni attiva f’din il-konsultazzjoni pubblika timlih bil-kuraġġ, hekk kif innota li bħalissa għaddejja l-fażi li fiha l-Gvern qed jisma’ u, abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet konsultattivi, se jkun qed jasal għal deċiżjoni kollettiva ta’ poplu.
Il-Prim Ministru sostna li l-użu estensiv tal-mobiles u l-midja soċjali fost it-tfal u l-adolexxenti hija realtà li ħafna ġenituri qed jitħadtu magħna dwarha. Huwa sostna kif permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika l-Gvern qed jagħżel li jieħu azzjoni li ġġib differenza. Huwa żied jgħid li d-deċiżjoni li rridu nieħdu mhijiex jekk għandniex issir xi ħaġa jew le. “Nemmen li l-maġġoranza assoluta tal-poplu tagħna jemmen li xi ħaġa għandha ssir. Għalhekk irridu nitħadtu sa fejn irridu mmorru,” qal Dr Abela. Huwa żied jgħid li l-għan ta’ din ir-riforma huwa li, kemm jista’ jkun, l-adolexxenti u t-tfal jieħdu aktar interess u jagħtu prijorità lill-attività fiżika b’mod ġenerali. Għalhekk saħaq dwar l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ. Huwa sostna li, filwaqt li m’aħniex tard għat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Gvern mhux se jkun qed ikaxkar saqajh sabiex jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji għall-ġid tas-soċjetà.
Hekk kif fakkar li dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika se jintemm matul il-ġimgħa d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li din il-konsultazzjoni pubblika se twassal biex tittieħed deċiżjoni informata fuq settur li huwa fluwidu u li l-Gvern se jkun qed jieħu deċiżjonijiet konsultati u informati b’risq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-ġenerazzjonijiet kollha ta’ pajjiżna.
Parteċipi għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll Dr Lydia Abela. Hija qalet li din hija diskussjoni kruċjali għax tmiss direttament lill-ulied. Fl-istess waqt esprimiet sodisfazzjon għal din l-inizjattiva. “Nafu li għalkemm il-midja soċjali għandha t-tajjeb tagħha qed ikollha wkoll numru ta’ effetti negattivi speċjalment fuq it-tfal u anke fuq is-saħħa mentali tagħhom fost affarijiet oħra,” qalet Dr Lydia Abela.
Hija ħadet ukoll l-opportunità biex tirringrazzja lil dawk li huma attivi fuq il-midja soċjali, bħall-content creators u l-influencers, li permezz tal-kontenut li jtellgħu fuq il-mezzi soċjali jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar suġġetti importanti u ta’ interess pubbliku. Fl-istess waqt, hija appellat għal użu aktar responsabbli tal-midja soċjali, b’sens ta’ rispett u b’għarfien akbar tal-impatt li l-kontenut jista’ jkollu.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega kif il-midja soċjali, speċjalment fost iż-żgħażagħ, tista’ tintuża b’mod pożittiv biex tiffaċilita t-tagħlim, il-komunikazzjoni u l-kreattività, iżda wkoll tista’ tintuża b’mod ħażin b’konsegwenzi serji. Huwa fakkar li, illum il-ġurnata, is-cyber bullying u is-cyber stalking huma reati fihom infushom.
Il-Ministru Falzon qal li jeżistu diversi possibilitajiet li jistgħu jiġu kkunsidrati dwar kif din ir-riforma tista’ titmexxa, fosthom miżuri ta’ prevenzjoni u edukazzjoni, kif ukoll interventi li jsaħħu l-protezzjoni u s-sigurezza tat-tfal u l-adolexxenti online. Huwa saħaq li, permezz ta’ dan il-proċess konsultattiv, il-Gvern se jkun qed jasal għal deċiżjoni li biha se jkunu qed ninvesti mhux biss fil-ġid tat-tfal, iżda wkoll fil-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi.
Fl-intervent tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li kemm bħala politiku kif ukoll bħala omm temmen li għandu jkun hemm din ir-riforma biex ikun hemm regolamentazzjoni li tagħti protezzjoni lit-tfal u l-adolexxenti. Hija qalet li f’dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni pubbliku inħass sentiment komuni li barra l-aspetti pożittivi tal-midja soċjali hemm ukoll aspetti oħrajn negattivi speċjalment għat-tfal li jeħtieġ li jiġu regolarizzati.
Rebecca Buttigieg qalet li numru ta’ pajjiżi bdew jieħdu azzjonijiet biex jirregolaw il-midja soċjali. Qalet li bħal nazzjon għandha dmir li nirregolaw ukoll il-midja soċjali u għalhekk qiegħed isir dan il-proċess ta’ konsultazzjoni biex ir-riforma tkun l-aħjar skont ir-realtajiet ta’ pajjiżna għaliex m’aħniex sempliċiment naddottaw dak li qed isir f’pajjiżi oħra anke għaliex kull pajjiż qiegħed jadatta r-regolamentazzjoni skont ir-realtajiet tiegħu.
Waqt din id-diskussjoni pparteċipaw bosta persuni, fosthom ġenituri, adolexxenti, edukaturi, content creators, influencers, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi, kif ukoll il-Kummissarju għat-Tfal. Id-diskussjoni messet diversi temi, fosthom jekk ir-regolamentazzjoni għandhiex tkun biss f’idejn il-Gvern jew jekk l-operaturi u l-pjattaformi għandhomx ukoll iġorru parti mir-responsabbiltà. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li t-tfal u l-adolexxenti jingħataw opportunitajiet biex jagħmlu użu minn għodod diġitali u jitgħallmu jużawhom b’mod sigur, responsabbli u bilanċjat. Fl-istess waqt, ġew diskussi l-elementi pożittivi u dawk negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-użu tal-midja soċjali. Ġie diskuss ukoll kif l-użu tal-midja soċjali qed jinfluwenza l-mod kif it-tfal u l-adolexxenti jissoċjalizzaw mal-kumplament tas-soċjetà, u l-impatt li dan qed ikollu fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-adolexxenti.
Il-pubbliku jista’ jagħmel is-sottomissjonijiet għall-green paper dwar din ir-riforma permezz tas-sit elettroniku publicconsultation.gov.mt. Il-konsultazzjoni pubblika se tkun qed ittemm nhar is-27 ta’ Frar 2026.

