Saturday, December 21, 2024

“Kont naħdem sakemm jiflaħ ġismi”

– Tfajla mill-Venezwela li nġiebet għall-prostituzzjoni f’pajjiżna

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni kontra 9 persuni mixlija bi traffikar uman, ħasil ta’ flus u involviment f’organizzazzjoni kriminali, waħda mill-ewwel xhieda kienet tfajla mill-Venezwela.

Fil-Qorti xehdet li kienet ġiet Malta u bdiet taħdem bħala prostituta. Hi qalet li kienet taħdem sigħat twal ħafna jew aħjar “sakemm jiflaħ ġismi”. Xehded li minkejja l-ħafna klijenti li kien ikollha baqgħet a ħaditx il-flus imwegħda lilha minn min kien iħaddimha.

Tgħid li kienet għamlet diversi snin tgħix u taħdem il-Kolombja, iżda imbgħad saret taf b’Malta permezz ta’ prostituta oħra. Fil-Qorti xehdet li qabel ma ġiet Malta kienet taf x’se tkun qiegħda taħdem.

Quddiem il-Qorti qegħdin jiġu akkużati Luke Farrugia ta’ 36 sena mill-Gżira, Clint D’Amato ta’ 36 sena mill-Gudja, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena minn Tas-Sliema, Kane Vassallo ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, Gordon Cassar ta’ 44 sena mill-Kalkara, Dylan McKay ta’ 30 sena mill-Fgura, Luca Corito ta’ 21 sena mill-Isla kif ukoll Nicolae Efimov ta’ 37 sena u Alexandra Pocora ta’ 32 sena li huma mir-Rumanija.

Intant, it-tfajla mill-Venezwela kompliet tixhed li hi u kollega tagħha kienu ppjanaw li jibdew ħajja ġdida u jsibu xogħol diċenti f’Malta, iżda reġgħet qalet li kienet taf liema xogħol se taħdem għax skont seħbitha dan ix-xogħol kien irendi lira tajba.

It-tfajla kompliet tixhed li kien ċertu wieħed Miguel li għamel l-arranġamenti kollha biex huma t-tnejn jivvjaġġaw mill-Kolombja għal Malta. Qalet li hekk kif waslu l-ajruport kienu qabdu taxi għal l-istess post fejn wettqu r-rejd il-pulizija.

Tgħid li l-għada li waslu kellhom laqgħa ma min imexxi dan in-negozju u kellhom jiftemu kemm kien se jmisshom flus. Tgħid li kienu ftehmu li 55% tal-flus kien se jinżammu minnhom u 45% jmorru għal sid in-negozju.

Hi kompliet tixhed li għal kull 30 minuta sess, il-klijenti kienu jħallsu €50. Tirrakkonta li xogħolha kien bla ħinijiet, iżda meta kienet tkun għajjiena ħafna kienet tgħid lil dak li jmexxi biex tieħu brejk u tkun tista’ torqod ftit.

Tgħid li ma’ kellix ħinijiet fissi, iżda kienet tibqa’ taħdem sakemm ġisimha kien jiflaħ. Fil-Qorti qalet li l-imgħallem tagħha kien jibgħatilha messaġġ fuq Whatsapp li kien se jkun hemm klijent. Tgħid li kienet tiftaħlu l-bieb u jibqa’ dieħel.

Meta jasal il-klijent, it-tfajla tgħid li kienet issaqsih x’servizz irid u jekk jaċċetta r-raġel li jkun hemm il-kundizzjonijiet kien jibqa’. Tgħid li dejjem ħallsu bi flus kontanti.

Hi kompliet tixhed li l-flus kienet tħallihom fuq mejda biex jiġbor kollox sid in-negozju. Iżda fl-aħħar tal-ġurnata kienet tieħu l-persentaġġ li kien miftiehm, iżda wkoll kienet tħalli dawk il-flus fuq il-mejda biex sid in-negozju jkun jista’ jivverifika li ħadet kemm suppost.

Tkompli tgħid li s-sehem tagħha kien jeħodhom sid in-negozju wkoll, u kien ta biss €750 biex tixtri mobajl.

Bħala kundizzjonijiet tax-xogħol it-tfajla kienet ordnata tħallas €25 kuljum talli qed toqgħod fl-appartament li kien jammonta għal €750 fix-xahar. Tixhed li kellha xi djun mal-imgħallem minħabba li kien ħallsilha l-passaġġ biex ġiet Malta. B’kollox ħalset lura €3,850.

Kienet taqla bejn €1,500 u €1,700 kuljum

It-tfajla kompliet tixhed quddiem il-Maġistrat li l-appartament kien wieħed kbir tant li kien fih 3 ikmamar għas-servizzi tas-sess u 4 oħra fejn it-tfajliet kienu jorqdu u jżommu l-affarijiet personali tagħhom.

Hi tgħid li mill-klijenti li kien ikollha kienet taqla bejn €1,500 u €1,700 kuljum, iżda dawn kienu jinqasmu kif suppost miftihem.

Il-klijenti dejjem għarfuha mir-ritratt tagħha li qalet li kien itella’ fuq siti apposta. Il-klijenti jidħlu f’dawn is-siti u jagħżlu t-tfajla li jridu biex jingħataw servizz sesswali.

Tkompli tixhed li wara li bdiet tnaqqas id-dejn li kellha u tħallas l-appartament, sid in-negozju kellu jagħtija madwar €6,000 f’temp ta’ gimagħtejn.

Xehdet li hi kienet l-ewwel tfajla li daħlet fl-appartament u wara xi jiem daħlet tfajla oħra. Imbgħad aktar tard kienu ġew żewġ tfajliet oħrajn li kollha kienu jagħtu servizz ta’ prostituzzjoni.

Tgħid li xi klijenti kienu jħallulha xi tips apparti l-miżata u dawn kienet iżommhom għalija. Qalet li kienet daħlet xi €600 li batithom f’pajjiżha biex bintha tkun tista’ tagħmel operazzjoni.

Fi tmiem ix-xhieda tagħha hija identifikat lil Clint D’Amato bħala dak li kienet issejjaħlu “Miguel”.

It-tieni xhud tgħid li l-imgħallem kien jixtrilha l-kontraċettivi

Xehded ukoll it-tieni tfajla, Kolombjana ta’ 20 sena. Qalet li kienet tkellmet ma’ tfajla bl-isem ta’ Cielo u ħeġġitha tiġi f’Malta. “Kienet qaltli li f’Malta kien hawn irġiel sbieħ ħafna, bajjiet u opportunitajiet ta’ xogħol. Fittixti fuq Google u veru sibt dak li kienet qaltli,” xehdet it-tfajla.

Qalet li l-passiġġi biex tiġi Malta kienu ġew imħallsa, iżda ridet turi lill-imgħallem f’pajjiżna li fuqha kellha €450. Tkompli tixhed li telqet mill-Kolombja fit-8 ta’ Awwissu u kellha tirritorna lura fit-28 ta’ Awwissu. Kienu qalulha li se toqgħod fAirbnb, u kif tasal kienet se tingħata numru ta’ mowbajl fejn raġel jiġborha mill-ajruport.

Fix-xhieda tagħha, it-tfajla qalet li wieħed mill-akkużati kien jixtrilha l-kontaċettivi u anke affarijiet oħrajn relatati mas-sess.

“Jien ġejt Malta biex inżur lill-pajjiż, iżda wkoll biex naħdem f’xi kaffetteriji.” Tgħid li taħdem bħala prostituta f’pajjiżha hija xi ħaġa legali, u qatt ma kienet taf li f’Malta hija illejla.

Tgħid li meta kienet Malta kienet titkellem ma’ ċertu wieħed Elmo li kien f’kuntatt ma’ Cielo. Kien hu li ġabarha minn Malta. Hu kien id-driver tagħha tant li meta ma kienx ikun hemm klijenti kien idawwara madwar Malta u anke jwassalha u jistennija fi djar tan-nies li jkunu jrid is-servizz għandhom stess.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone flimkien mal-Avukati Ramon Bonett Sladden u Charmaine Abdilla f’isem l-Avukat Ġenerali.

Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Charles Mercieca, Roberto Montalto, Etienne Borg Ferranti, Joe Giglio, Michaela Giglio u Kathleen Calleja Grima waqt li l-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher għall-vittmi.

Fuq talba tad-difiza, il-Qorti rrakomandat lid-Direttur tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-akkużat Luca Corito jinżamm fis-sezzjoni taż-żgħażagħ.

Fi tmiem is-seduta, l-Ispettur Spiteri informa lill-Qorti li l-prosekuzzjoni għandha madwar 50 xhud.

Il-każ se jkompli fis-26 u 28 ta’ Awwissu fid-9.00am.

Ekonomija

Sport