‘’Forsi ż-żmien ta’ wara l-aħħar x-xogħol tiegħi nagħmlu f’aktar serenità. L-effetti negattivi ta’ separazzjoni tal-ġenituri fuq it-tfal kemm żgħar, kif ukoll kbar u b’mod speċjali fuq adoloxxenti, ikkiduni wisq. Kien hemm żmien li kont nistenbaħ billejl u ma nkunx nista’ nerġa’ norqod. Dan għax kont nispiċċa naħseb fuq l-istejjer u t-tbatija li nisma’ dwar xi wlied ta’ ġenituri li ż-żwieġ tagħhom tkissrilhom.’’
Stqarret dan ma’ danis-sit, Connie Bonello, li għal 14-il sena għamlet xogħol ta’ Medjatriċi fil-Qorti tal-Familja ta’ Malta. Hija rtirat ftit xhur ilu u mill-esprjenza li kisbet f’dan l-ambjent xejn feliċi tħoss li hemm bżonn aktar ta’ għarfien dwar realtà inkwetanti. Dan minħabba li fil-qalba ta’ dan it-taqlib kollu hemm ulied innoċenti u soċjetà mifnija b’familji mkissra.
“Ma nikkundanna lil ħadd”
“Nagħmila ċara li, personalment, ma nikkundanna lil ħadd meta jagħmel dak kollu li jista’ biex il-ħajja tiegħu jgħixha kif jixtieq,” bdiet Bonello, “fuq kollox dak huwa l-iskop tal-medjazzjoni… Meta jinqala’ l-inkwiet fir-relazzjoni, jekk il-partijiet ma jsolvux il-problemi li jkollhom bejnietna, jistgħu jiddeċiedu li jisseparaw. Fil-medjazzjoni l-ewwel jingħataw kull ċans li jippruvaw, anke bl-għajnuna ta’ professjonisti varji, isalvaw iż-żwieġ imma, jekk wara kull tentattiv xorta jiddeċiedu li jisseparaw, dawn ikollhom l-għajnuna biex jaqblu ħalli kull parti ċċedi ftit. Dan bl-għan aħħari li jaslu għal ftehim bonarju”.
Din il-medjatriċi spjegat li ftehim bonarju jsir biex il-partijiet jevitaw li jqattgħu snin twal u jeħlu spejjeż kbar fil-Qrati. Barra minnhekk b’dan il-mod, ikun hemm inqas tbatija għalihom u fuq kollox, fejn ikun il-każ, għal uliedhom.
Żieda inkwetanti fis-separazzjonijiet
Huwa fatt magħruf li aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-każijiet ta’ separazzjonijiet aktar qegħdin jiżdiedu. Il-problemi u r-raġunijiet li jiġu quddiem il-medjaturi huma mifruxa fuq spettru wiesgħa ħafna bl-akbar kawża tkun l-adulterju, segwita min-nuqqas ta’ komunikazzjoni, problemi ta’ finanzi, vjolenza u għira.
Dawn is-separazzjonijiet qegħdin iġibu magħhom uġigħ u spejjeż kbar. L-inkwiet jikber meta jkun hemm tfal minuri jiżfnu fin-nofs fejn quddiem dan il-ġlied kollu, wieħed ma jistax ma jistaqsix jekk aħniex verament naraw l-ewwel u qabel kollox, il-bżonnijiet tat-tfal tagħna. Din is-sitwazzjoni inkwetanti fil-Qorti tal-Famillja tagħna jekk mhux se nieħdu ħsiebha, inkwiet ikollna.
“… U b’dispaċir ngħid li ma narax li se jonqsu”
Mistoqsija għala taħseb li qiegħed ikollna dawn is-separazzjonijiet kollha Bonello ppuntwalizzat li separazzjonijiet dejjem kien hawn però, fl-opinjoni tagħha, qabel dawn kienu jinżammu fil-kwiet u fit-tbatija.
“Naturalment bil-bidliet fis-soċjetà dawn ħarġu fil-beraħ. Iva, is-separazzjonijiet f’dawn l-aħħar snin żdiedu u b’dispjaċir ngħid li ma narax li se jonqsu. Ma jidhirlix li hawn xi studju uffiċjali x’qiegħed jikkawża s-seprazzjonijiet. Però, mill-esperjenza tiegħi fejn kont nara f’ġurnata xogħol bejn tmien u 10 koppji, l-akbar kawżi huma l-adulterju; in-nuqqas ta’ kommunikazzjoni li aktarx ikun kaġun tal-ħajja mgħaġġla; u nuqqas ta’ għaqal fil-finanżi. Hawn tajjeb li niftakru li l-ħin trid tagħmlu u mhux isibu u fejn jidħlu l-finanzi filwaqt li llum il-ġurnata huwa bżonn normali li jkun hemm dejn biex tinxtara d-dar matrimonjali, hemm ukoll nuqqas ta’ sabar u ta’ kontroll fost il-koppji. Dan għax għandna soċjetà li dak li twebbilna bih illum, iriduh il-bieraħ. Donnu l-qawl Malti: tmidd riġlejk skont il-friex, sparixxa,” qalet imħassba din il-medjatriċi.
Barra dawn it-tliet kawżi ta’ separazzjonijiet Bonello insistiet fl-importanza ta’ għarfien dwar każijiet fejn ikun hemm vjolenza fiżika u/jew psikoloġika. “F’dawn il-każijiet il-parti li tkun qiegħda ssofri, fl-aħħar trabbi biżżejjed kuraġġ u tersaq għas-separazzjoni. Għandu jkun hemm messaġġ ta’ kuraġġ għal dawn il-vittmi ħalli joħorġu darba għal dejjem minn dan is-sqaq ta’ tbatija”.
Ma’ dawn f’uħud mill-medjazzjonijiet ikun hemm koppji mimlija rabja u pika li jwasslu għal kwistjonijiet ta’ manteniment, tfal użati bħal ballun u parental alienation.
Separazzjonijiet b’taħlita ta’ emozzjonijiet u mġieba varja
… Fejn jidħlu t-tfal qiegħda tidħol ħafna pika
Kull min ikun qiegħed jikkonsidra separazzjoni tiġih f’moħħu minn xhiex se jkun qiegħed jgħaddi u x’se jkun qiegħed jiffaċċja eżattament. Bonello saħansitra rat każijiet fejn ikun hemm min ipprova qabel u spiċċa qata’ qalbu milli jmexxi bil-proċeduri ta’ separazzjoni. F’koppji li jispiċċaw jinfirdu, hija rat emozzjonijiet u mġieba varja.
“Ikun hemm koppji li jiġu għas-sezzjoni tal-medjazzjoni kalmi u li diġà jkunu ddiskutew u ftehmu kif se jimxu ‘l quddiem anke fejn ikun hemm il-preparazzjoni tal-ulied li għadhom minuri. Hawn ġieli f’seduta waħda taqra kuntratt bonarju u jimxi għall-approvazzjoni tal-Qorti,” elaborat din il-medjatriċi.
Però, b’dispaċir aċċennat għal koppji oħra mimlija rabja u pika fejn saħansitra jirriżultaw f’nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet importanti bħalma huma manteniment u bżonnijiet oħra. Hawn Bonello qalet li qiegħed ikun hemm piki fi ħlas għas-saħħa tal-ulied li jinkludu sessjonijiet importanti ta’ terapija ta’ kundizzjonijiet serji, spejjeż għall-edukazzjoni u ulied li jiġu mċaħda minn xi attività extra kurrikulari li jixtiequ jew anke li digà kellhom.
Fejn jidħol l-aċċess Bonello rrakkontat kif ikun hemm drabi fejn ikun hemm argumenti jaħarqu. Għal darb’oħra dan huwa frott ta’ pika bejn xi ġenituri li jkunu se jinfirdu. “Issib min jargumenta min se jiġborhom u min se jwasalhom lura (għax hemm l-ispejjeż) jew inkella l-povri tfal jitħallew jistennew u ma jiġux għalihom. Tajjeb li kulhadd jifhem li l-aċċess l-ewwel u qabel kollox huwa dritt tal-ulied li jaraw il-ġenituri u huwa wkoll dritt tal-ġenituri li jkollhom aċċess għal uliedhom,” insistiet din il-medjatriċi.
Hawn Bonello poġġiet mistoqsijiet ta’ min jomgħod fuqhom: “b’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-adulti ta’ għada se jkunu sodi u b’saħħithom mentalment biżżejjed biex jiffaċċjaw il-ħajja? Se jkollhom il-fiduċja fihom infushom u f’ħaddieħor, li hija l-bażi għal kull relazzjoni jew inkella dawn se jibżgħu jidħlu f’relazzjoni?”
Tkeskis minn ġenituri u familjari fosthom nanniet…
“Ninkwieta għax issir ħsara kbira meta ulied jiġu użati bħal ballun. Imbagħad hemm ħsara u abbuż meta jidħol il-velenu mill-‘parental alienation’ jew bil-Malti tixwix minn xi ġenitur jew familjari. Ta’ sikwiet tisma’ kliem li jweġġa’ bħal ’ommok jew missierek farket jew farrak familja’. Dan il-kliem iebes jingħad lit-tfal meta jsibuhom waħidhom. Imbagħad, tfal innoċenti jmorru jgħidu lill-ġenitur x’qalulhom mentri tfal akbar, jitħawdu,” kompliet Bonello.
Bħalissa fil-pajjiż qiegħda ssir diskussjoni fuq id-dritt tal-aċċess għan-nanniet. Bonello, li hija nanna wkoll, tikkonferma li n-nanniet ikunu jixtiequ li jkomplu jaraw in-neputijiet tagħhom imma minn dak li tara u tisma’, l-opinjoni tagħha fir-rigward hija li qabel xejn, irid jiġi studjat l-impatt fuq in-neputijiet.
Spjegat kif “ftit snin ilu kelli l-opportunità li nwassal fehemti dwar dan waqt laqgħa mal-Ispeaker fil-Parlament f’seduta li saret għall-Għaqda Tan-Nanniet. Imma, fil-ħajja tal-lum it-tfal għandhom wisq impenji tant li lanqas biss għandhom ħin biex igawdu l-kwiet u l-pjaċir tad-dar. Aċċess obbligatorju ieħor jonqoshom! Esperjenza pożitiva li kelli ta’ diżgwid bejn in-nanniet u l-ġenituri fuq it-tfal li ma jitħallewx jaraw lin-nanniet kienet ġiet solvut permezz ta’ medjazzjoni. Dan grazzi għal rieda tajba minn kull naħa. Mhux bi ġlied u passi legali”.
Din il-medjatriċi min-naħa tagħha saħqet li hawnhekk ukoll hemm bżonn urġenti li nedukaw lill-ġenituri biex ma jużawx lit-tfal bħala tarka meta jisseparaw. Ma’ dan insistiet fl-importanza li ma jkunx hemm ‘parental alienation’ speċjalment min-nanniet għax jekk in-nanniet iridu jibqgħu jaraw lin-neputijiet, iridu jaraw li jikkontrollaw x’jgħidu. Wissiet li, “aktar milli tkeskis u negattività, in-neputijiet ikollhom bżonn ta’ mħabba, wens u sapport u b’hekk jibqgħu jieħdu pjaċir iżuru lin-nanniet”.
“Kultant naħseb li għad jiġi żmien li għaż-żwieġ irid ikollok it-test tad-DNA”
“Kultant naħseb li għad jiġi żmien li għaż-żwieġ irid ikollok it-test tad-DNA”. Bonello qalet din il-frażi inkwetanti minħabba li għall-medjazzjoni qiegħed ikun hemm ukoll numru konsiderevoli ta’ każijiet ta’ koppji li jkollhom relazzjoni imma mhux miżżewġin u r-relazzjoni spiċċat però jkollhom l-ulied minn relazzjoni oħra. Hawn għal darb’oħra hija tkellmet dwar il-kumplikazzjonijiet u t-tbatija li jgħaddu minnha ulied f’każi ta’ separazzjonijiet bħal dawn. Id-dinamika f’dawn il-każijiet huma ta’ familji estiżi.
Fis-soċjetà tal-lum l-ulied m’għadhomx frott taż-żwieġ biss. Barra li hemm koppji li m’għadhomx jiżżewġu, għadd ta’ separazzjonijiet qegħdin iseħħu minħabba adulterju. Mill-adulterju prova ċara hija t-tnissil ta’ tarbija barra ż-żwieġ. Bonello rat ħafna każijiet bħal dawn. Barra li jidħlu ħafna emozzjonijiet, hemm ukoll komplikazzjonijiet minħabba doveri legali.
F’każ ta’ koppji mhux miżżewġin elaborat kif, “permezz ta’ kuntratt dawn jiggwidaw ruħhom fejn jidħlu d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u tal-ulied sakemm jilħqu l-età maġġorenni, dwar il-kura u l-kustodja, manteniment, kif ukoll aċċess. Peress li ħafna drabi jkun hemm ulied oħra minn relazzjoni ġdida, ikun hemm aħwa naturali. F’kazi hekk għandu jkun id-dmir tal-ġenitur li aħwa jkunu jafu lil xulxin u biex l-aħwa jibqgħu f’kuntatt”.
“Ikunu ilhom għomorhom ibatu… b’mod speċjali n-nisa”
Tul l-esperjenza tagħha bħala medjatriċi, Bonello rat ħafna separazzjonijiet iżda l-aktar każijiet li jinkwetawha huma dawk fejn jidħlu koppji anzjani. “Għandna koppji anzjani li wara xi 40 sena żwieġ jiġu għas-separazzjoni. Importanti li nqajmu għarfien dwar koppji li jridu jisseparaw wara ħafna snin flimkien. Dawn ikunu ilhom ibatu b’mod specjali n-nisa għax ġejjin minn ġenerazzjoni fejn ma kellhomx opportunità ta’ edukazzjoni u xogħol bħal-lum. Allura, din tispiċċa bla pensjoni,” insistiet Bonello.
Hija qalet li fil-medjazzjoni jkun hemm ukoll nisa mdaħħla fl-età li jiddependu finanzjarjament mir-raġel biss. Raġuni oħra li twassal biex idumu ħafna jaħsbuha jekk għandhomx jitilqu mid-dar jew jisseparawx hija li jistennew lit-tfal jikbru.
“Meta fl-aħħar jieħdu d-deċiżjoni li jisseparaw, dan jagħmluh biex jipprovaw jieħdu dak li jixtiequ fl-aħħar snin ta’ ħajjithom. Jgħidulek ‘forsi dawn l-aħħar jiem ta’ ħajti ngħaddihom fil-paċi. Din l-espressjoni smajtha kemm-il darba u din hija problema kbira. Din hija sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb u fenomenu li qegħdin naraw”.
Hija rat nisa kbar fl-età li kulma jkollhom bħala koppja hija d-dar matrimonjali, jekk din ma tkunx ukoll b’kirja u ma jkunx hemm assi x’jaqsmu. Minħabba l-qagħda ta’ dawn in-nisa, Bonello spjegat li, “ikun impossibli li jisseparaw. F’każi bħal dawn il-mara l-aktar li tbati għax tiddependi kompletament finanzjarament mir-raġel u jekk tasal li tissepara, kulma jibqalha tkun l-għajnuna soċjali mill-Istat. Dan dejjem jekk tkun intitolata għalih”.
“Kif nibda nistudja jiġi quddiemi l-ġlied ta’ ommi u missieri”
F’xenarju bħal dan, it-tbatija qiegħda tidħol f’kull aspett. Din il-medjatriċi qalet li dawn it-tbatijiet huma kemm fuq il-koppji nfushom, fuq il-familjari tagħhom imma fuq kollox, fuq l-ulied. Stqarrijiet bħal ‘ma nistax nikkonċentra fuq l-istudji tiegħi għax kif nibda jiġi quddiemi l-ġlied ta’ ommi u missieri’ se jibqgħu f’moħħha. Inkwiet u tbatijiet li għal iljieli sħaħ ma ħallewhiex torqod fil-paċi.
Connie Bonello riedet tagħlaq din l-intervista b’aċċenn b’saħħtu li l-ewwel u qabel kollox għandna nħarsu l-ġid u l-bżonnijiet tat-tfal tagħna għax dawn se jkunu ċ-ċittadini futuri ta’ pajjiżna. Barra minnhekk ippuntwalizzat fatt f’din ir-realtà kollha: “f’dan ix-xogħol ‘tar-relazzjoni’ għandek bżonn ta’ empatija u li tilbes iż-żarbun ta’ dak li jkun għax, irrelevanti xi tkun ir-raġuni, hemm il-weġgħat u t-tbatija. Dan għax fuq kollox, ħadd ma jiżżewweġ biex jissepara”.