“Nagħmilha ċara. Kontra dak irrapportat, il-Gvern ma daħħal l-ebda taxxa ġdida, eco u mhux, fuq il-fliexken tax-xorb. Għalhekk, rapporti li qalu li l-Gvern daħħal xi taxxa ġdida kienu totalment żbaljati. Żidiet li jintroduċi l-privat m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xi deċiżjoni tal-Gvern, u lanqas ma xi bidla fuq id-depożitu marbut mal-fliexken tax-xorb”
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli permezz ta’ messaġġ fuq Facebook, fejn spjegat illi ġimgħat ilu tkellmet b’mod ċar fil-Parlament kif mhijiex sodisfatta bil-livell ta’ servizz li qed joffru l-operaturi privati li jħadmu s-sistema tal-BCRS.
Qalet ukoll; “Għamilniha ċara. Huma l-importaturi u l-produtturi li għandhom jerfgħu dak li jirriżulta mid-deċiżjonijiet tagħhom”.
Temmet tgħid li filwaqt li kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea hu obbligat li jkollu sistema simili sas-sena 2029, bħala Gvern li jaġixxi f’isem in-nies, se jkunu qed jinsistu mal-BCRS tibdel il-mod kif tħares lejn il-konsumatur li jrid ikun stmat b’iktar rispett u b’iktar effiċjenza.