Sunday, December 22, 2024

Kontra dak prevvist, Zelensky baqa’ jmexxi lill-poplu Ukren għal iktar minn sena

Aqra wkoll

Għalkemm illum il-ġurnata Zelensky huwa magħruf ħafna għall-isforzi li qed jagħmel biex jgħin lill-poplu Ukren jirreżisti l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna bħala President tal-pajjiż, huwa mhux minn dejjem kien intiż fil-ħajja politika. Tant hu hekk li fil-bidu tal-gwerra Russo-Ukrajna kienu bosta dawk li kkritikaw it-tmexxija tiegħu għax ħasbu li hu tajjeb biss biex ikun “buffu” f’xi kummiedja minflok President li jidderieġi lill-poplu tiegħu f’kamp ta’ gwerra.

Zelensky, it-teatru u t-televiżjoni

Jekk nagħtu ħarsa lejn il-livell edukattiv tiegħu, huwa għażel is-settur tal-liġi; fl-1995 beda l-mixja tiegħu f’dan is-settur fi Kyiv sakemm ħames snin wara rnexxielu jiggradwa fil-liġi. Bħal bosta Ukreni oħra li trabbew u għexu fir-reġjun ta’ Dnipropetrovsk, huwa tħarreġ sew fir-Russa u l-Ingliż. Jerġa’, għalkemm gradwa f’din il-linja, huwa għażel li jibni karriera li tmur lil hinn mill-Qrati; il-karriera ta’ Zelensky imxiet fid-direzzjoni tal-palk.

Sa minn meta kien għadu student universitarju, huwa kien attiv sew fit-teatru. Fl-1997 ħa sehem f’kompetizzjoni popolari li kienet tinvolvi kummiedja mxandra fil-Commonwealth tal-Istati Indipendenti. Zelensky imbagħad kompla jipprattika l-linja tal-kummiedji, fejn flimkien ma’ bosta oħrajn ħa sehem f’diversi programmi televiżivi sal-2003. Fl-istess sena, Zelensky flimkien ma’ wħud minn sħabu waqqfu l-iStudio Kvartal 95 — kumpanija televiżiva Ukrena li tipprovdi divertiment lit-telespettaturi — fejn huwa serva bħala direttur artistiku tagħha sal-2011.

Mat-tmiem tal-irwol tiegħu fi Studio Kvartal 95, huwa ħa rwol ġdid fl-istazzjon televiżiv “Ukraine Inter TV” fejn dam jokkupa kariga f’dan l-istazzjon sal-2012. Matul dan il-perjodu, Zelensky ħa sehem ukoll f’numru ta’ films, fosthom il-farsa storika “Rzhevskiy Versus Napoleon” fl-2012, kif ukoll f’kummiedji romantiċi bħal “8 First Dates” fl-2012 u “8 New Dates” fl-2015.

Zelensky u l-karriera tiegħu fil-politika

Fl-2013 Zelensky għamel ir-ritorn tiegħu fi Studio Kvartal 95, fejn reġa’ okkupa l-kariga preċendenti li kellu f’din il-kumpanija. Is-sena 2013 tista’ titqies bħala waħda kemxejn kruċjali fil-karriera ta’ Zelensky hekk kif kien dan iż-żmien meta xegħlet fjamma oħra fil-karriera tiegħu fejn spiċċa b’żewġ interessi partikolari: id-dinja televiżiva u dik politika. Però, kienet is-sena 2018 li rat involviment dirett minn Zelensky fil-ħajja politika. Dan hekk kif f’Marzu tal-2018, membri ta’ kumpanija televiżiva li tagħha Zelensky kien direttur artistiku, Studio Kvartal 95, waqqfet partit politiku magħruf bħala “Servant of the People” — l-istess isem bħall-programm televiżiv li Zelensky kien ħadem fih matul it-tliet snin ta’ qabel.

Minkejja spekulazzjonijiet li bdew jinfirxu fl-Ukrajna dwar il-pass li ħa Zelensky meta l-kumpanija li kien direttur tagħha waqqfet partit politiku, dak iż-żmien huwa ċaħad li kellu l-intenzjoni illi jokkupa l-kariga ta’ President tal-Ukrajna. Kien fi tmiem l-2018, propju fil-31 ta’ Diċembru, meta wara xhur ta’ dikjarazzjonijiet ambigwi min-naħa ta’ Zelensky, huwa ħabbar b’mod uffiċjali l-kandidatura tiegħu għal President tal-Ukrajna waqt l-ispettaklu ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fuq stazzjon televiżiv.

L-elezzjoni presidenzjali tal-2019 kellha tinqasam fuq żewġ rawnds minħabba li fl-ewwel elezzjoni tal-31 ta’ Marzu ħadd mid-39 kandidat ma rnexxielu jikseb maġġoranza. It-tiġrija fit-tieni rawnds ta’ elezzjonijiet kienet iddominata minn żewġ persuni — il-President attwali tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky u Petro Poroshenko minħabba li kienu l-iżjed żewġ kontestanti li kisbu l-ikbar ammonti ta’ voti. It-tieni rawnd sar fil-21 ta’ April fejn Zelensky kiseb maġġoranza qawwija ta’ 73%. Fl-20 ta’ Mejju tal-istess sena, huwa ħa l-ġurament uffiċjali bħala President tal-pajjiż.

Il-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta’ fiduċja f’Zelensky

Kif kien il-każ f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, il-ħajja ta’ kuljum fl-Ukrajna kienet affettwata sew mill-pandemija tal-COVID-19. Kienu bosta politiċi lokali li kienu kontra d-deċiżjoni ta’ Zelensky u saħansitra ħassewhom frustati meta l-President iddeċieda li jagħmel lockdown. Minkejja dan, iżjed tard irriżulta li l-miżuri implimentati mill-President kellhom impatt pożittiv fil-pajjiż. Dan in-nuqqas ta’ qbil u battibekki bejn Zelensky u s-sindki tar-reġjuni fl-Ukrajna ħallew effetti sinjifikanti fuq l-elezzjonijiet lokali f’Ottubru tal-2020 hekk kif il-Gvern ta’ Zelensky kellu prestazzjoni elettorali fqira li kawża t’hekk irriflettiet f’nuqqas ta’ fiduċja mill-pubbliku fit-tmexxija ta’ Zelensky.

It-tmexxija ta’ Zelensky waqt il-gwerra Russo-Ukrajna

Fl-24 ta’ Frar tal-2022 Putin ħabbar li r-Russja bdiet “Operazzjoni militari speċjali fid-Donbas”. Malli bdiet l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna permezz ta’ missili mill-armata Russa, il-President Ukren ħabbar li r-relazzjonijiet diplomatiċi mar-Russja se jinqatgħu b’effett immedjatament filwaqt li ġiet assenjata armata Ukrena biex tirribatti dawn l-attakki. Zelensky min-naħa tiegħu argumenta li ftit jiem biss wara li bdiet il-gwerra Russo-Ukrajna, il-mira tar-Russja ma baqgħetx biss lejn siti militari iżda wkoll fuq siti ċivili.

Is-sitwazzjoni kompliet tisħon bejn iż-żewġ pajjiżi wara li Putin ħabbar illi r-Russja kellha l-intenzjoni li tehmeż erba’ reġjuni li kienet ħatfet mit-territorju Ukren matul l-invażjoni fl-Ukrajna. Hemmhekk Zelensky ħabbar li dak il-mument kien ifisser it-tmiem tat-taħditiet ta’ paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Bħala tweġiba għall-akkumulazzjoni tal-militar Russu fil-fruntieri tal-Ukrajna, il-President Ukren ta’ spiss dar fuq il-pajjiżi tal-Punent sabiex jagħtuh provvista ta’ armi meħtieġa biex l-Ukrajna tkun tista’ tikkumbatti kontra l-għadu. Barra minn hekk, f’diskussjonijiet li Zelensky kellu mal-President Amerikan Joe Biden u ma’ mexxejja ta’ pajjiżi oħra membri tan-NATO ħeġġiġhom biex iħaffu t-talba tal-Ukrajna għas-sħubija f’din l-alleanza militari.

B’mod parallel, l-aggressjoni Russa bidlet lill-President Volodymir Zelensky f’mexxej politiku erojku. Id-deċiżjoni ta’ x’tip ta’ eroj hu, hija kollha f’idejn il-president Ukren. Volodymir Zelensky se jkollu jagħżel x’tip ta’ eroj irid ikun. Jista jkun eroj li jirribella kontra kull impożizzjoni, soġġett biss għar-rieda tiegħu li jiflaħ kull impediment li jista’ jaffaċċja fil-jiem, ġimgħat, xhur u snin li ġejjin.

Għall-kuntrarju, jista jkun ukoll eroj li jkun kapaċi jiddubita minnu nnifsu, li jiddelibera dwar id-destin tiegħu biex jiddetta jekk il-kariga tiegħu tintemmx f’nofs din l-invażjoni. Jista’ jkun ukoll eroj li jkun kapaċi jgħaqqad id-destin tiegħu ma’ kuxjenza etika li tasal biex ittem din il-gwerra.

Ekonomija

Sport