L-eks Prim Ministru Dr. Alfred Sant u Dr Joseph Muscat ikkummentaw ma’ IT-TORĊA dwar il-każ tad-Deputat Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburist Daniel Attard li ssemma’ f’investigazzjoni mill-Pulizija Belġjana. Dr Joseph Muscat iddikjara li Daniel Attard hu vittma ta’ ċirkostanzi u enfasizza li jixtieq jibqa’ jarah jaqdi dmiru kif għamel sa issa minkejja it-tfixil. Minna naħa tiegħu Dr Alfred Sant iddikjara li hu jinsab Konvikt li Daniel Attard m’għandu xejn x’jaħbi. Iddikjara li Daniel Attard għamel tajjeb li talab hu nnifsu li titneħħielu l-immunità Parlamentari
Ċar li hu vittma ta’ ċirkostanzi – Dr Joseph Muscat
L-eks Prim Ministru u eks Membru Parlamentari Ewropew, Joseph Muscat meta kkummenta ma’ IT-TORĊA dwar dan il-każ qalilna li “minn dak li sar magħruf huwa ċar li Daniel Attard hu vittma ta’ ċirkustanzi fejn l-uniku tort li qed jingħad li għandu kien li aċċetta li jmur jara logħba futbol waqt li kien xogħol fi Brussel. Daniel Attard huwa MEP mill-aktar effettiv u nixtieq narah jibqa’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu b’ mod iffukat kif għamel sa’ issa minkejja dan it-tfixkil.”
Konvint li m’għandu xejn x’jaħbi – Dr Alfred Sant
Minn naħa tiegħu l-eks Prim Ministru u eks Membru tal-Parlament Ewropea, Dr Alfred Sant f’kummenti lil It-TORĊA qalilna li “Daniel Attard għamel tajjeb li talab hu nnifsu li titneħħielu l-immunità Parlamentari għax m’għandu xejn x’jaħbi, kif jien konvint. Ma kien involut fl-ebda negozjati li jaffettwaw lil Huawei u kif qal il-Prim Ministru Robert Abela, l-każ li tqajjem dwaru hu insinjifikanti. Il-Huawei ilhom fl-aħħar snin jiġu “investigati” minn meta l-Amerika akkużathom li se jinqdew bis-sistema ġdida tal-5G internet tagħhom biex jispjunaw fuq pajjiżi tal-Punent. Fil-verità l-Istati Uniti ma ridux lil din id-ditta Ċiniża tikkompetilhom b’din it-teknoloġija avvanzata fuq is-suq Ewropew.
Joperaw bħal kull ditta internazzjonali fi Brussels b’uffiċjali tagħhom (“lobbyists”) li jiltaqgħu ma’ membri Parlamentari Ewropej, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Ewropew ħalli jwasslu informazzjoni dwar l-interess tagħhom f’leġislazzjoni għaddejja. Dawn il-lobbyists joffru wkoll ikliet u ġieli rigali lir-rappreżentanti li f’ċerti każi jridu jiġu dikjarati f’reġistru apposta. Personalment iltqajt kemm-il darba ma’ tal-Huawei, kif iltqajt ma’ rappreżentanti tal-Microsoft, tal-Google u oħrajn. Hu importanti li wieħed ikollu dawn il-laqgħat fl-osservanza tar-regoli li japplikaw għalihom, biex jisma’ xinhuma r-rikjesti tan-negozji u korpi kostitwiti u oħrajn, għalkemm trid toqgħod b’seba’ għajnejn ukoll li ma jkunx hemm min jipprova (ditti kompetituri, ġurnalisti li qed ifittxu storja, membri ta’ partiti opposti fil-parlamenti nazzjonali jew Ewropew) jara kif se joħloq xi nasba.
Il-Pulizija Belġjana fl-aħħar snin saret tinteressa ruħha aktar bil-qawwi f’dawn l-istejjer ta’ ċerti lobbyists għal raġunijiet li mhux dejjem ikunu trasparenti”, temm jgħid Alfred Sant.
Intant id-Deputat Parlamentari Ewropew, Daniel Attard kien ħareġ stqarrija u fiha ddikjara li “fl-aħħar jiem ġejt infurmat mill-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew li ismi ssemma f’investigazzjoni u li saret talba mill-Awtoritajiet Belġjani biex titneħħa l-immunità Parlamentari tiegħi. Din it-talba saret b’rabta mal-preżenza tiegħi waqt logħba football bejn Anderlecht u Ferencváros f’Settembru li għadda. Din l-istedina waslitli permezz tal-Assistent Parlamentari tiegħi ta’ nazzjonalità Ungeriża, li kien staqsieni jekk nixtieqx nakkumpanja lilu u lil ibnu f’dik li kellha tkun okkażjoni privata u informali biex naraw tim Ungeriż jilgħab fil-Belġju. Meta rċevejt l-istedina ma ntqalx lili li kienet qed toriġina minn xi kumpanija. Wisq anqas kont mgħarraf li kienet f’box tal-istess kumpanija. Fil-fatt, l-Assistent Parlamentari qalli li ħabib tiegħu kellu biljetti għal din il-logħba u staqsieni jekk nixtieqx nakkumpanja lilu u lil ibnu.”
Kompla jgħid li “jirriżulta li l-istedina ġiet minn persuna li kienet qed tiġi investigata mill-awtoritajiet Belġjani u li kellha l-intenzjoni li waqt il-logħba tkellimni dwar Huawei. Qabel il-logħba jien ma kelli ebda ħjiel dwar dan u wisq anqas kelli komunikat ma’ din il-persuna. Matul il-logħba tqajjem is-suġġett, u ntlabt laqgħa li saret ġimgħatejn wara fi Strasburgu. Qabel din il-laqgħa tlabt lill-Assistenti tiegħi jaċċertaw li kollox isir b’mod trasparenti u skont ir-regoli tal-Parlament Ewropew, u kien biss wara li ġejt aċċertat b’dan li aċċettajt li ssir.”
Saħaq li “wara din il-laqgħa ma kellix aktar komunikat mal-kumpanija msemmija u ma ħadt l-ebda azzjoni fir-rigward ta’ Huawei jew temi relatati mal-kumpanija. Wara l-logħba li attendejt għaliha, tlabt lill-Assistent Parlamentari konċernat biex jiddetermina l-valur tal-biljett tal-logħba u biex jiddikjarah skont ir-regoli tal-Parlament Ewropew. Huwa infurmani u assigurani li l-valur ma kienx jaqbeż €150, li huwa l-limitu stabbilit mir-regoli tal-Parlament Ewropew, u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn dikjarazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan kollu: għamilt talba formali biex nidher quddiem l-awtoritajiet kkonċernati sabiex nagħti stqarrija u rendikont tal-fatti f’kuntest ta’ koperazzjoni u trasparenza sħiħa min-naħa tiegħi. Ktibt lill-President tal-Parlament Ewropew fejn jien stess tlabt biex l-immunità parlamentari li ngawdi minnha titneħħa mill-iktar fis, sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jistaqsu u jivverifikaw dak kollu li jkun meħtieġ mingħajr ebda impediment. Se nkun qed nitkellem mat-tmexxija tal-Grupp tal-S&D dwar kull pass meħtieġ sakemm dan il-proċess, li jien m’għandi ebda involviment fih, jintemm.”