Sunday, November 24, 2024

“Koperazzjoni ekonomika hija l-mod li bih nindirizzaw l-isfidi tal-immigrazzjoni”

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza Konferenza f’Ruma flimkien ma’ Mexxejja dinjija oħra

Aqra wkoll

F’Konferenza internazzjonali li tlaqqgħet f’Ruma dwar l-iżvilupp u l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna favur ħidma bejn pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u dawk li huma d-destinazzjoni fl-immigrazzjoni. Dan biex naslu f’punt fejn bi żviluppi ekonomiċi sostenibbli, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun amministrata aħjar. Matul il-jum tal-Ħadd, f’Palazzo della Farnesina, tlaqqgħet il-Konferenza bejn Mexxejja ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tal-Afrika, pajjiżi oħra fil-Mediterran u dawk fil-Golf Għarbi. Dan flimkien ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet internazzjonali u Mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li rridu nħarsu lejn l-Afrika bħala sieħeb ugwali għall-Ewropa f’koperazzjoni ekonomika bbażata fuq rispett. Dr Abela rrefera għall-inizjattiva tal-Gvern Taljan u faħħar l-inizjattiva tal-Prim Ministru Giorgia Meloni li tlaqqa’ Konferenza li ttella’ fuq l-aġenda l-koperazzjoni ekonomika ma’ pajjiżi oħra lil hinn mill-kontinent Ewropew, fosthom ma’ pajjiżi Afrikani. Dr Abela qal li dan kollu huwa konformi wkoll mal-pożizzjoni konsistenti li ilha timbotta Malta fuq l-immigrazzjoni. 

Il-Prim Ministru Malti rrimarka li jrid jibqa’ jkun hemm messaġġ ċar kollettiv kontra t-traffikar tal-bnedmin quddiem realtajiet koroh li kellna fil-Mediterran fejn nies vulnerabbli tilfu ħajjithom. “Dan huwa obbligu morali tagħna lkoll”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jindirizza lill-Mexxejja l-oħra fl-ewwel sessjoni tal-Konferenza. Sostna wkoll li r-ripatrijazzjoni ta’ persuni li ma ħaqqhomx l-ażil trid issir b’mod effikaċi u sigur.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li l-qalba ambjentali torbot mal-koperazzjoni ekonomika bejn pajjiżi differenti u din trid issir bi sħab mas-settur privat li huwa sieħeb strateġiku fit-tranżizzjoni ekonomika li għandha ssir biex jinħolqu aktar opportunitajiet u impjiegi ta’ kwalità li jgħinu lil kulħadd, inkluż il-prospetti ta’ ċittadini f’pajjiżhom stess, li llum iħarsu lejn l-immigrazzjoni irregolari bħala l-uniku triq. “Ma jkun hemm l-ebda żvilupp għall-aħjar mingħajr paċi u sigurtà u l-paċi u s-sigurtà ma tasalx jekk ma jkunx hemm żvilupp ta’ kwalità”, saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela rrimarka għall-miri ta’ żvilupp sostenibbli tal-2030 addottati min-Nazzjonijiet Uniti u qal li l-pandemija li laqtet lid-dinja riċentament ma għandhiex ixxekkel l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miri fuq sfida akbar, dik tat-tibdil fil-klima. Qal li r-realtà hi li pajjiżi li kkontribwixxew l-inqas għat-tisħin globali huma fost l-aktar milquta b’mod negattiv mit-tibdil fil-klima iżda saħaq li kif pajjiżi minn kontinenti differenti għarfu li jaħdmu flimkien fil-Valletta Summit tal-2015, hekk ukoll irridu nkunu ponn wieħed fejn bi djalogu miftuħ naħdmu favur l-indirizzar bis-serjetà tal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

Fi tmiem il-Konferenza, il-Mexxejja qablu fuq numru ta’ konklużjonijiet fosthom dwar it-twaqqif tal-‘Proċess ta’ Ruma’, qafas importanti għall-implimentazzjoni ta’ ħidma kollettiva favur stabbiltà u żvilupp ekonomiku filwaqt li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mill-għeruq. Dan apparti l-implimentazzjoni tal-obbligi dikjarati fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela kien hemm ukoll id-Deputat tal-Gvern Cressida Galea.

Sport