Koppja akkużata b’ħasil ta’ flus wara li allegatament naqset milli tiddikjara d-dħul kollu tagħha, kellha l-ħelsien mill-arrest ikkonfermat wara li l-prosekuzzjoni naqset fl-isforzi tagħha biex tirrevoka l-ħelsien mill-arrest mogħti lilha.
Clint Vella ta’ 35 sena, għalliem tal-karozza mhux liċenzjat, u Sylvana Fenech ta’ 34 sena u li taħdem bħala hairdresser ġew mixlijin b’ħasil ta’ flus wara li nġibdet l-attenzjoni wara depożiti sostanzjali li kienu qed isiru mill-koppja.
Ir-rekords finanzjarji ta’ Vella jindikaw li darba minnhom kien għamel depożitu ta’ €90,000, u kif ukoll infiq sostanzjali li kien jagħmel fuq siti tal-logħob. Dan filwaqt li s-sieħba tiegħu kienet tagħmel depożiti ta’ madwar €11,000 kull xahar.
L-avukati tal-koppja argumentaw li l-każ kien purament wieħed ta’ evażjoni ta’ taxxa, u li normalment jiġi indirizzat mill-awtoritajiet tat-taxxa tramite kanali amministrattivi.
L-investigazzjonijiet li kienu jsiru mill-pulizija ma sabu l-ebda indikazzjoni ta’ attivitajiet kriminali bħal traffikar ta’ droga, prostituzzjoni, traffikar ta’ armi jew reati oħrajn.
Madankollu n-nuqqas min-naħa tal-koppja li tiddikjara d-dħul kollu tagħha wasslet biex jiġu mixlijin b’ħasil ta’ flus.
Iż-żewġ akkużati ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhomfuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €20,000, u fuq ordni li jiffirmaw l-għassa darba fil-ġimgħa. Huwa kienu ordanti wkoll biex ma joħorġux mid-dar f’ċerti ħinijiet.
Intant l-Avukat Ġenerali ppreżenta rikors biex il-ħelsien mill-arrest jiġi revokat. Huwa argumenta li dan l-għoti tal-ħelsien mill-arrest għandu jiġi revokat minħabba r-riskju li jkun hemm intralċ tal-provi. Fl-istess waqt qalu li kien għad hemm persuni ċivili li kien għad iridu jagħtu x-xhieda tagħhom, bil-kundizzjonijiet imposti mill-ħelsien mill-arrest ma jkunux meqjusin bħala biżżejjed.
Min-naħa l-oħra d-Difiża, immexxija mill-avukat Franco Debono, tenniet li dan kien każ ta’ evażjoni ta’ taxxa, u li ma kienx jinvolvi kriminalità organizzata.
Il-Qorti qalet li kienet qed tagħmel il-kundizzjonijiet għal ħelsien mill-arrest aktar onerużi biex tiskoraġġixxi lill-akkużati milli jkellmu lil xhieda jew jiksru l-kundizzjonijiet imposti għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qed jassistu lill-koppja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Oriana Spiteri.