Saturday, December 28, 2024

Koppja Ingliża li rebħet il-lotterija tagħti donazzjoni ta’ £11-il miljun għall-karità

Aqra wkoll

Koppja li tgħix f’Hartlepool, l-Ingilterra, sentejn ilu rebħet somma ta’ madwar £115-il miljun mil-lotterija, u fost għadd ta’ donazzjonijiet karitattivi oħra, din is-sena biss diġà tat is-somma ta’ £11-il miljun għall-karità — somma li suppost kienet ippjanat li tqassamha fuq 10 snin.

Malli rebħu din is-somma, l-ewwel m’għamlu kien li taw ammont sostanzjali lill-qraba u l-ħbieb, fejn imxew ma’ lista ta’ ismijiet li kienet preparat Frances stess żmien qabel bit-tama li xi darba għad tirbaħ il-lotterija. 

Frances, mart Paddy Connolly, tikkalkula li s’issa qassmet madwar £60 miljun b’kollox, li jinkludu kemm id-donazzjonijiet karitattivi kif ukoll l-ammonti li tat lill-ħbieb u l-qraba — dawn huma pjuttost numerużi hekk kif din il-koppja għandha 17-il neputi/ja.

Frances tistqarr illi affarijiet stravaganti ma jagħmlux biha u li l-iktar ħaġa illi tagħtiha gost f’ħajjitha hija meta tgħin lil min hu fil-bżonn. Hija tkompli tgħid li dan sar donnu vizzju għaliha għax jagħtiha sodisfazzjon kbir. 

Hija saħansitra waqqfet żewġ għaqdiet karitattivi minn mindu hi u żewġha rebħu din is-somma fenominali fl-2019. Waħda minn dawn l-għaqdiet inħolqot bil-għan li ttejjeb ħajjet in-nies li jgħixu fi Strabane u Belfast. L-għaqda l-oħra toffri sapport lill-carers tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, l-anzjani u r-refuġjati ta’ Hartlepool — il-post fejn din il-koppja għexet dawn l-aħħar 30 sena ta’ ħajjitha.

Ekonomija

Sport