Sunday, December 22, 2024

Koppja Ingliża titlaq mix-xogħol biex iddur id-dinja ma’ wliedha

Aqra wkoll

Leona u Lee Burton minn Leicester, ilhom iduru d-dinja mal-ħamest itfal tagħhom (Kian, Kye, Enna, Olana u Elis) għal dawn l-aħħar erba’ snin. Dan wara li fl-2018, din il-koppja kienet qed issofri minn stress qawwi fuq il-post tax-xogħol li ħalla impatt negattiv fuq is-saħħa mentali tagħhom. Għalhekk iddeċidew li jagħtu xejra ġdida lil ħajjithom u l-ħajjet uliedhom. Malli rriżenjaw mix-xogħol, huma biegħu kollox u telqu mill-Ingilterra. Iż-żewġ ġenituri għandhom l-istess fehma li din “Hija l-aqwa deċiżjoni li qatt għamlu f’ħajjithom”.

Minkejja li l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt enormi fuq l-ivvjaġġar, din ma kinitx b’saħħitha biżżejjed li tordmilhom il-pjanijiet tagħhom. Is-sena l-oħra din il-familja żaret madwar 12-il pajjiż, fosthom Spanja, Florida, South Carolina u l-Messiku.

Leona ġġustifikat il-fatt ta’ din l-inizjattiva li ħadu billi tistqarr li “Xtaqt nagħti l-opportunità lil uliedi sabiex iduqu daqsxejn libertà, ’il bogħod min-normi li imponiet fuqna din is-sitwazzjoni kurrenti”. Iżżid ukoll li “Nixtieqhom jesperjenzaw id-dinja”.

L-omm tammetti li biex tesperjenza din l-avventura b’ħamest itfal ma kinitx faċli għalkollox, anzi pjuttost xi drabi daqsxejn diffiċli. Però hija temmen li l-home-schooling huwa iżjed faċli meta jsir fil-miftuħ, fit-toroq. Skont l-omm, dan l-istil ta’ ħajja qed jagħtiha l-opportunità li tgħallem lil uliedha dwar id-dinja wkoll. Hija temmen li “Għalkemm ma jeżistix mod perfett, jiena nħoss li qed nadotta l-aħjar metodu sabiex ngħallem lil uliedi ’l bogħod mit-tagħlim tradizzjonali – dak li jitgħallmu ġo klassi”. Dil-familja normalment tibda l-ġurnata tagħha bil-lezzjonijiet.

Leona tiżvela li bħalissa għandha seba’ xhur tqala u f’għajnejha dan hu żmien interessanti ħafna, bl-ewwel scan li sarilha f’Marbella, it-tieni f’Dubrovnik u l-aħħar wieħed li kellha sar il-Portugall.

Fil-fehma ta’ Leona, din l-esperjenza għaqqdithom iżjed flimkien u tħoss li qed ikollhom iżjed ħin xi jqattgħu flimkien bħala familja.

Ekonomija

Sport