Terence Cini ta’ 40 sena u Amanda Farrugia ta’ 39 sena residenti Ħal Qormi ġew ikkundannati 18-il xahar ħabs u multa ta’ €30,000kull wieħed wara li nstabu ħatja ta’ ħasil ta’ flus.
L-imputati kienu akkużati li wettqu dan ir-reat fl-4 ta’ Awwissu tal-2020 u anke fis-snin ta’ qabel. Cini waħdu kien akkużat ukoll li kellu arma tan-nar u li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-Qorti tal-Maġistrati maħruġa fl-2013.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-pulizija tat-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi rċeviet informazzjoni kunfidenzjali li Farrugia kienet qed tiddepożita eluf kbar ta’ ewro f’ATM tal-BOV. Il-flus fil-kont bankarju tagħha kienu ilhom jiġu depożitati minn Ġunju 2016.
Minn investigazzjonijiet li saru ġie stabbilit li Farrugia kienet f’relazzjoni ma’ Cini u dan kellu żewġ ordnijiet ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ proċeduri oħra kif ukoll li l-koppja kienu involuti fl-operat ta’ Hudson Confectionery, Hudson Pizzeria u Hudson Daily Needs.
L-Ispettur Lianne Bonelli spjegat fl-Qorti li fl-2019 Farrugia kienet ħarġet €1.7 miljun f’ċekkijiet u ddepożitat €1.4 miljun meta kienet iddikjarat mal-bank li l-attività kummerċjali tagħha kienet bejn il-€21,000 u l-€50,000.
L-Ispettur kompliet tispjega li fl-2018 kien jidher bejgħ ta’ €15,000 mill-kont bankarju tagħha u fl-2019 bejgħ ta’ madwar €150,000 waqt li kien hemm ukoll tranżazzjonijet li ma kellhomx deskrizzjoni jew li d-deskrizzjoni tagħhom ma kinitx tinkwadra fil-kummerċ tal-ħanut tal-merċa.
Meta imbagħad il-pulizija analizzaw dawn it-tranżazzjonijiet tal-kont bankarju kien hemm dħul minn sorsi suspettużi fosthom mingħand persuni involuti fl-abbuż jew traffikar tad-droga.
Irriżulta wkoll li Farrugia kellha diversi vetturi reġistrati f’isimha u dan meta lanqas għandha liċenzja tas-sewqan. Fl-istess waqt Cini kellu żewġ vetturi biss irreġistrati fuqu.
Il-Prosekuzzjoni spejagt quddiem il-Qorti li Cini kellu diversi kważi relatati mad-droga u kien anke juża l-kont bankarju ta’ Farrugia. Is-suspett tal-investigaturi kien li Cini kien qed iwettaq ħasil ta’ flus mit-traffikar tad-droga.
Waqt li l-prosekuzzjoni sostniet li s-sors illegali tal-flejjes kienu ġejjin mit-traffikar tad-droga, id-difiża argumentat bil-qawwa li l-flus kienu ġew iġġenerati mill-kummerċ.
Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Leonard Caruana qal li mill-provi mressqin mill-Prosekuzzjoni rriżulta li Cini kien qiegħed jirċievi flus mit-traffikar tad-droga u li imbagħad kienu jiġu depożitati fil-kont bankarju ta’ Farrugia.
Aktar minn hekk irriżulta li l-imputati kienu jmexxu attivitajiet kummerċjali mingħajr ma kellhom il-permessi meħtieġa u anke mingħajr ma kienu reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT.
Il-Qorti qalet li Farrugia ddepożitat flejjes li kienu ġejjin min-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa, ċekkijiet li kienu qed jissarrfu illegalment u minn traffikar ta’ droga.
Wara li sema’ l-provi kollha, il-Qorti sabu lill-imputati ħatja ta’ ħasil ta’ flus, iżda Cini ma nstabx ħati ta’ pussess ta’ armi u lanqas li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Il-Qorti kkundannat lill-koppja 18-il xahar ħabs u €30,000 multa kull wieħed waqt li ordna l-konfiska tal-propjetà mobbli u immobbli tagħhom u ordnalhom ukoll iħallsu €3,850 b’rabta mal-ispejjeż tal-Qorti.
Ordna wkoll lill-Kummissarju għat-Taxxi biex jinvestiga d-dikjarazzjonijiet fiskali tagħhom, lid-Direttur tas-Sezzjoni Liċenzji tal-Kummerċ biex jinvestiga l-attivitajiet kummerċjali tagħhom u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestgia l-flus foloz li nstabu għand Cini.



