Raġel u mara ġew immultati €200 wara li ammettew li kienu qegħdin jagħmlu sess fuq ir-rampa tal-Għassa tal-Belt Valletta.
Il-każ seħħ għall-ħabta tss-2.30am tal-Erbgħa.
Quddiem il-Qorti, James Robert Brannan, Ingliż, li llum qed jiċċelebra għeluq sninu u Chelsea Justine Bauer minn New York fl-Istati Uniti, ammettew għal akkużi kontrihom.
L-Ispettur Jeffrey Rizzo li mexxa l-Prosekuzzjoni qal fil-Qorti li uffiċjali tal-Pulizija kienu mexjin lejn l-għassa meta nnotsw liż-żewġ imputati f’relazzjoni intima fuq ir-rampa tal-għassa.
Huma ħarbu minn fuq il-post hekk kif indunaw bil-pulizija, iżda ġew arrestati ftit tal-ħin wara.
Huma wieġbu ħatja għall-akkużi li għamlu atti immorali fil-pubbliku, li kienu għarwenin u fis-sakra fil-pubbliku. Apparti l-ammissjoni, il-koppja talbet apoloġija għal għemilha.
Il-Maġistrat Victor Axiak wara li sema l-ammissjoni tal-imoutati, immultathom €200 kull wieħed u illiberathom bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien sena. It-talba biex ma jixxandarx isimhom ma ntlaqgħetx mill-Qorti.
Għall-akkużati dehru l-Avukati Mark Mifsud Cutajar u Katrina Borg Ferrando.