Wednesday, April 24, 2024

Koppja tammetti li serqet minn żewġ ħwienet fil-Mosta

Aqra wkoll

Koppja ammettiet li serqet ammont ta’ flus kontanti minn żewġ ħwienet fil-Mosta. Baldassere Borg u Daniela Maria Melarosa tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fejn ġew mixlija b’akkużi dwar serq.

Melarosa, li taħdem bħala salesgirl, ġiet akkużata li f’diversi okkażjonijiet serqet b’aktar minn €2,000 fi flus kontanti minn ħanut fi Triq il-Kostituzzjoni filwaqt li Borg ġie akkużat li kien kompliċi magħha f’din is-serqa. Bl-istess mod, Melarosa kienet akkużata li serqet ammont ta’ flus minn confectionery fl-istess triq, b’Borg ikun mixli wkoll li kien kompliċi magħha f’din is-serqa. 

Borg kien akkużat waħdu b’użu mhux xieraq ta’ tagħmir elettroniku u li sar reċediv.

Wara li wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom, il-Qorti sabet liż-żewġ imputati ħatja u kkundannathom sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Ġiet imposta multa ta’ €100 għall-akkuża ta’ użu ħażin ta’ tagħmir eletroniku u l-koppja ġiet ordnata tħallas lura l-flus misruqa lill-vittmi.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri filwaqt li l-Avukat Mario Mifsud deher għal Melarosa u Borg.

Sport