Tuesday, November 26, 2024

Koppja tkorri wara li jċedi parti minn saqaf f’residenza l-Isla

Aqra wkoll

Raġel ta’ 59 sena u mara ta’ 54 sena, it-tnejn residenti l-Isla, ittieħdu b’emerġenza l-Isptar Mater Dei wara li waqa’ parti minn saqaf tar-residenza tagħhom. L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10.10 p.m. fi Triq it-Tarzna, l-Isla.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li waqa’ parti mis-saqaf ta’ kamra waqt li l-mara u r-raġel kienu fl-istess kamra ġewwa r-residenza.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu u kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura medika. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi. 

Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ. 

Sport