Monday, December 23, 2024

Koppja Ukrena mfaħħra talli għażlu li jiddefendu l-pajjiż sigħat wara li żżewġu

Aqra wkoll

Il-jum tat-tieġ huwa wieħed importanti għal dawk il-koppji li jkunu qed jistennewh bil-ħerqa u l-koppji jkunu għaddejjin bil-pjanijiet tagħhom minn xhur qabel biex ikunu jistgħu jiċċelebrawh ħalli tibqa’ memorja mill-isbaħ.

Għal koppja Ukrena, iżda dan il-pjan tħarbat mhux ftit hekk kif ilkoll nafu dak li bħalissa qed jiġri f’pajjiżhom. Ma kienx jgħaddilhom minn moħħhom li kellhom jiżżewġu hekk kif fl-isfond jinstema l-ħoss tas-sireni u tal-bombi, wisq aktar dak li għamlu ftit sigħat biss wara li żżewġu.

Yaryna Arieva u Sviatoslav Fursin temmew malajr iċ-ċerimonja taż-żwieġ tagħhom qabel marru lejn iċ-Ċentru tad-Difiża Territorjali lokali biex jgħinu fl-isforzi fil-ġlieda kontra l-invażjoni Russa.

F’żewġ ritratti li nxterdu fuq il-midja soċjali, jispikka l-kuntrast hekk kif f’ritratt minnhom tidher il-koppja waqt ċerimonja ta’ tieġ tradizzjonali bl-għarusa tilbes il-fjuri fuq rasha u  ġojjellerija mill-isbaħ.

Iżda r-ritratt ta’ warajh kien jikkuntrasta bi kbir ma’ dan hekk kif il-koppja dehru bl-armi tan-nar tagħhom wara lii għażlu li jingħaqdu fil-battalja biex jiġġieldu għal pajjiżhom.

Dawn ir-ritratti ġew ippubblikati fuq Twitter u ma naqsux għadd kbir ta’ kummenti hekk kif bosta persuni faħħru l-qlubija u l-kuraġġ tagħhom u kkundannaw il-gwerra.

Persuna kibet: “Nitolbu għalihom biex ikunu jistgħu jmorru d-dar u ma jweġġgħux u jgħidu lit-tfal tagħhom fil-futur li ġġieldu għal pajjiżhom. Nies tassew kuraġġużi.”

Ekonomija

Sport