Sunday, December 22, 2024

Koppji bi problemi fl-intimità jirrikorru għal soluzzjonijiet żbaljati 

Is-sesswologu Matthew Bartolo jwissi dwar swinging u threesomes

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-imħabba hija importanti ħafna f’relazzjoni li flimkien mar-rispett reċiproku, żewġ persuni jgawdu l-kumpanija ta’ xulxin u l-intimità ta’ bejniethom f’armonija. Hekk kif ġara f’ambiti oħra tal-ħajja tagħna, ir-relazzjonijiet bejn il-koppji evolvew u ħadu xejriet differenti. Maż-żmien inbidel il-kunċett taż-żwieġ, tal-familja u ta’ kif inħarsu lejn ħafna affarijiet. Fost dawn il-bidliet jew modi ġodda hemm dawk li jinvolvu l-intimità bejn il-koppja li jekk qabel din kienet isseħħ fil-privat bejn żewġ persuni, illum il-ġurnata hemm koppji swingers, li bi qbil ibiddlu lis-sieħeb/a tagħhom ma’ koppja oħra. 

Hawnhekk qegħdin nitkellmu dwar koppji Maltin li jħobbu jesperimentaw b’dik magħrufa bħala swinging. Ma’ din ir-riċetta ta’ logħob sesswali hemm ukoll dik ta’ threesomes, meta fil-borma, jew aħjar fis-sodda, ikun hemm tliet persuni minflok dak li tradizzjonalment imdorrijin fih fejn is-sess kien isir bejn tnejn. 

Affettwata ħażin mentalment…

Persuna li sabet ruħha bi proposta ta’ swinging mis-sieħeb tagħha stqarret li tinsab f’sitwazzjoni li minħabba fiha qiegħda tkun affettwata ħażin mentalment. Dan minħabba li f’serata fejn hija u s-sieħeb tagħha kienu għand xi ħbieb, ġew diskussi fost l-oħrajn il-kunċetti tal-iswinging, threesomes u tal-open relationships — meta koppja bi ftehim jistgħu jkollhom relazzjonijiet sesswali ma’ ħaddieħor. 

Din il-mara qalet li s-sieħeb tagħha wegħedha li se jaċċettaha kif inhi minkejja li hija ma tridx li tintroduċi l-iswinging fir-relazzjoni tagħhom. Minkejja li qalilha hekk, hija qiegħda tibża’ li r-relazzjoni ta’ bejniethom sejra lura u se tispiċċa tisfaxxa fix-xejn. 

Talk.mt tkellem mas-sesswologu, Matthew Bartolo, fejn ikkonferma żieda fost il-koppja li jridu dawn it-tip ta’ relazzjonijiet intimi. Huwa qal li, “Qegħdin niltaqgħu ma’ iktar koppji li jaħsbu li xi threesome jew swinging se jsolvulhom il-problemi tal-intimità tagħhom. Il-problema hija li dawn huma logħbiet sesswali mentri ħafna koppji fil-verità jkollhom problemi fl-intimità u mhux fis-sess”.

Dan is-sesswologu qalilna li jekk koppja jkollha problemi sesswali, bħal raġel jitlef il-kapaċità li jeċita ruħu jew persuna titlef l-aptit, il-maġġoranza tal-każijiet, dawn ikunu qegħdin jiġu kkawżati minn problemi fl-intimità tal-koppja, intimità li tiġi affettwata mir-relazzjoni.

Fir-ritratt: Matthew Bartolo

Bħala eżempju huwa ta dak ta’ meta persuna ma tħosshiex attraenti għas-sieħeb tagħha u ġġib persuna oħra. “Li tara lis-sieħeb tagħha jkollu x’jaqsam ma’ persuna oħra mhux se ssolvi dik il-problema,” wissa Bartolo. 

Min-naħa l-oħra huwa qal li hemm koppji li jagħżlu li jilagħbu ma’ koppji oħra għax dan huwa l-mod kif jgħixu s-sesswalità tagħhom u dak il-logħob ma jaffettwax ir-relazzjoni intima ta’ bejniethom.

Lokalment, il-koppji li qegħdin jagħżlu din it-tip ta’ intimità sesswali żdiedu sew u apparti l-gruppi privati hemm ħafna siti online li jagħmlu dan il-proċess aktar faċli. Barra l-pjattaforma popolari ta’ Facebook li fiha għadd ta’ gruppi apposta, online hemm siti li wieħed jista’ jingħaqad magħhom għal għażla aktar wiesgħa. 

L-attivitajiet għall-iswingers f’Malta jinkludu parties apposta f’komunità b’valuri liberali li tisħaq li tipprattika dan il-logħob sesswali b’mod sigur u f’ambjent privat.

Ekonomija

Sport