Monday, November 11, 2024

KORDINAZZJONI BEJN L-ENTITAJIET QED TĦALLI FROTT

Aqra wkoll

L-irkupru li għaddej minnu s-settur ekonomiku f’pajjiżna bħalissa partikolarment fil-qasam turistiku, huwa xi ħaġa li qatt ma rajna bħalha qabel. Indikazzjoni ta’ dan hija wkoll l-għadd ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. 

Tant li l-istatistika tindika illi l-persuni li għaddew mill-ajruport f’dan il-perjodu kien dak ta’ 3.43 miljun, figura li tiżboq bil-kbir dak tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija. Dan ir-riżultat ukoll ipoġġi lill-ajruport Malti ma’ grupp ta’ ajruporti Ewropej li rrappurtaw żieda fit-traffiku ta’ nofs is-sena meta mqabbel mal-2019.  

Fid-dawl ta’ dawn in-numri pożittivi, ma nistgħux ma ninnutawx il-ħidma li qed issir minn diversi entitajiet privati u pubbliċi biex Malta tibqa’ tiddomina l-mappa turistika fl-Ewropa, partikolarment fir-reġjun tal-Mediterran. 

Minkejja li l-għadd kollu ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport ma jfissirx li kienu kollha turisti, dan iwassalna biex nenfasizzaw fuq il-ħtieġa li pajjiżna nkomplu nżommuh nadif, nibżgħu għas-siti storiċi u kif ukoll il-mod ta’ kif aħna bħala poplu nittrattaw mal-barranin li jiġu jżuru pajjiżna.

Għalkemm aħna konvinti li dan kollu qed iseħħ, però dan ma jistax isir waħdu imma wkoll irid ikun hemm kollaborazzjoni mas-settur turistiku privat f’dak li huwa servizz ta’ kwalità li t-turist għandu jingħata fiż-żmien li jdum hawnhekk. B’hekk mhux biss inkunu bħala pajjiż, qed nikkonsolidaw is-settur turistiku li huwa pilastru ewlieni fl-ekonomija imma wkoll inkunu qed inħeġġu lil dawk li diġà ġew, biex jerġgħu jiġu.

F’dan il-kuntest nittamaw li l-industrija tal-kostruzzjoni tkun parteċipi f’dan kollu bil-għan li jonqsu l-ilmenti f’dawk li huma ħsejjes u trabijiet, li jkunu qed isiru waqt ix-xogħlijiet. 

Għalhekk irridu napprezzaw ukoll l-isforzi tal-Gvern u tal-entitajiet tiegħu biex l-akwati tal-ajruport jisbieħu u jkunu ta’ livell li jagħtu bixra ta’ serjetà u trankwillità nieqsa mill-konfużjoni tat-traffiku u b’network ta’ toroq li jkunu komdi għal kulħadd. Dan kollu jiġġustifika x-xogħlijiet kollha li qed isiru li b’xi kultant kienu ta’ inkonvenjent imma li fl-aħħar mill-aħħar wieħed irid jifhem l-eżitu ta’ proġetti kbar ta’ din ix-xorta. 

Sport