Il-maltempata qalila li laqtet lill-gżejjer Maltin fil-jiem li għaddew tat provi illi l-Forzi Dixxiplinati speċjalment ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili huma mħejjija sew għal kull eventwalità li tista’ tinqala’. Dan huwa xhieda tal-investiment sostanzjali li sar f’dawn il-Korpi. Mhux għax kellna xi dubju mill-ħila ta’ dawn il-korpi, għax il-ħila tagħhom diġà taw prova tagħha fl-għajnuna li taw f’diżgrazzji li seħħew barra minn Malta.
Għalhekk dawn jimmeritaw mhux biss l-appoġġ tal-poplu imma wkoll rikonoxximent finanzjarju għall-qlubija tagħhom li jaħdmu f’sitwazzjonijiet diffiċli u ta’ periklu għal saħħithom u għal ħajjithom. Fil-fatt, hija f’lokha u milqugħa t-tħabbira mill-Prim Ministru li dawn il-ħaddiema li kienu involuti f’ħidma fil-maltempata se jingħataw rimunerazzjoni finanzjarja għall-ħidma tagħhom.
Hemm iċ-ċertezza wkoll li mhux biss il-Korpi Dixxiplinati se jingħataw dan ir-rikonoxximent finanzjarju imma wkoll ħaddiema oħra kemm tat-Tindif u anke dawk tax-Xogħlijiet Pubbliċi li taw u għadhom jagħtu kontribut siewi fit-tindif u t-tiswija tal-ħsarat li kkawżat il-maltempata Harry.
Element ieħor li ħareġ fil-jiem tal-maltempata hi li kulħadd ħadem qrib ta’ xulxin, b’kordinazzjoni sħiħa, li wasslet biex ġew evitati inċidenti aktar serji u gravi. Minn dak li qal il-Gvern, la l-bdiewa u lanqas is-sajjieda mhu se jkunu minsijin mill-għajnuna li l-Istat se jagħti biex jikkumpensa għall-ħsarat li dawn sofrew.
Din l-għajnuna kollha se tingħata fil-kuntest tal-politika tal-Gvern li ma jħalli lil ħadd waħdu jew jaqa’ lura. Dan juri wkoll li f’okkażjonijiet drammatiċi, il-poplu kapaċi jingħaqad u jinsa d-differenzi ta’ bejnietu u lest li jaffaċċja l-isfidi kollha li jsib quddiemu.
Għalhekk ma nistgħux ma nilqgħux b’sodisfazzjon il-wegħda tal-Gvern li fix-xhur li ġejjin, iridu jiġu rranġati u msewwija l-postijiet kollha milquta mill-maltempata partikolarment dawk ta’ mal-kosta bħalma huma Għar Lapsi, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Tas-Sliema u x-Xgħajra.
Nilqgħu b’sodisfazzjon ukoll il-bidu tal-evalwazzjonijiet li bdew isiru minnufih sabiex tiġi kkwantifikata l-ħsara li saret u b’hekk jibdew ix-xogħlijiet ta’ rranġar mill-aktar fis, sabiex il-familji Maltin u n-negozji kollha li sofrew minn din il-maltempata, ħajjithom terġa’ tiġi għan-normal.

