Sunday, December 22, 2024

Kors ġdid biex jissaħħu l-ħiliet tal-biċċiera Maltin

Aqra wkoll

Waqt żjara fil-Biċċerija Pubblika, il-Ministru Anton Refalo u l-Ministru Clifton Grima ħabbru żewġ inizjattivi ġodda li jsaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tal-industrija tal-laħam.

L-ewwel inizjattiva hija t-tfassil ta’ programm ta’ taħriġ mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), għal żvilupp ta’ ħiliet fl-industrija tal-laħam. Dan mistenni jindirizza nuqqas attwali ta’ ħiliet fl-industrija, kemm fuq livell ta’ biċċerija u f’segmenti oħrajn matul il-proċess li jwassal għall-provvista tal-laħam.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjega li dan it-taħriġ ikopri l-proċess kollu biex tkun żgurata l-kwalità tal-laħam, fosthom taħriġ dwar il-karatteristiċi ta’ laħmijiet u qatgħat tal-laħam differenti; l-iġjene fl-ipproċessar tal-ikel; iż-żamma tal-għodda; is-saħħa u s-sigurtà fl-ipproċessar tal-laħam; it-tikkettar; fost taħriġ ieħor.

Huwa kompla jispjega li l-Biċċerija Pubblika evalwat in-nuqqas ta’ ħiliet u d-domanda għal dan it-taħriġ fi ħdan l-industrija li wassal għat-tfassil ta’ dan il-programm biex jipprovdi t-taħriġ meħtieġ, kemm ta’ teorija u ta’ prattika. Il-ministru spjega wkoll li wara diskussjonijiet bejn il-Veterinary Regulation Directorate u l-MCAST, apparti li ser jingħata taħriġ fir-rigward tal-laħam aħmar li fil-fatt jinqatel fil-biċċerija stess, ser jingħata wkoll taħriġ fuq il-laħam abjad (tjur u fniek) li ma jinqatilx fil-Biċċerija Pubblika.

Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia tkellem dwar l-importanza li l-entità tkun proattiva fil-mod kif tgħin biex l-industrija lokali tal-laħam tkun tassew sostenibbli. “Dan il-kors huwa mod kif nindirizzaw nuqqas fis-settur sabiex ikollna laħam ta’ kwalità bi prezz tajjeb. Għaldaqstant huwa importanti li jkollna min jaf jaħdmu u jwasslu lil-konsumatur,” qal is-Sur Cachia.

It-tieni inizjattiva hija t-tiġdid ta’ ftehim li hemm bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali mal-MCAST, li permezz tiegħu se tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Hija missjoni importanti tagħna li nipprovdu t-taħriġ f’kull settur tal-ekonomija biex inkomplu noħolqu mhux biss opportunitajiet, imma wkoll dak li l-istudent għandu bżonn biex l-istudji tiegħu jkunu olistiċi u jolqtu kull aspett ta’ dak li jkun qed jitgħallem fil-klassi. Dan qed nagħmluh b’kollaborazzjoni ma’ ministeri oħrajn u wkoll permezz tal-MCAST, li llum hija istituzzjoni edukattiva li qed tagħti opportunitajiet kbar lil dawk kollha li għandhom aspirazzjonijiet għall-karrieri tagħhom”.

Il-Professur Joachim James Calleja, Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, qal, “B’mod proattiv, l-MCAST qed tindirizza diversi setturi fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet. Fost dawn insibu s-setturi tal-agrikoltura, l-akwakultura u x-xjenza tal-annimali. Dan il-kors se jiftaħ opportunitajiet ta’ taħriġ kemm għal dawk li diġà jaħdmu fis-settur, kif ukoll għal dawk li jixtiequ jibdew jaħdmu f’din l-industrija. Fl-4 ta’ Settembru se nerġgħu niftħu t-tieni sejħa għal applikazzjonijiet tal-korsijiet li jibdew f’Ottubru”.

Ekonomija

Sport