Friday, March 27, 2026

Kors għall-ħaddiema barranin dwar il-kultura u l-lingwa Maltija

Aqra wkoll

Ġie introdott kors ġdid għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li diġà qegħdin Malta dwar il-kultura u l-lingwa Maltija. Kors li s-sillabu għalih tħejja mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u li ser ikun jista’ jiġi offrut mill-istituzzjonijiet edukattivi kollha Maltin li huma liċenzjati. 

B’dan il-kors, li għalih l-attendenza tal-persuna hija mandatorja, jinkludi wkoll eżami, li filwaqt li ser ikunu jistgħu japplikaw għalih mill-websajt ta’ Identità, ser ikun ikkordinat mid-Dipartiment tal-Eżamijiet tal-Gvern. 

Dan il-kors jagħmilha possibbli li dawn il-persuni minn pajjiżi terzi li qegħdin jaħdmu f’pajjiżna jingħataw tiġdid ta’ permess itwal, iżda dan jingħata biss jekk il-persuna tkun diġà imħarrġa, tħarrġet waqt li kienet Malta jew wara li twettaq b’suċċess dan il-kors u tgħaddi mill-eżami. 

B’din kienet miżura mħabbra fil-Malta Labour Migration Policy li l-għan tagħha huwa li ddaħħal ukoll stabbiltà fis-suq tax-xogħol – li jfisser li dawk li jkunu tħarrġu u tgħallmu dwar Malta jikkontribwixxu aktar, kif spjega l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

“Persuni barranin li jiġu jaħdmu f’pajjiżna, għandhom huma l-obbligu li jaddattaw għalina u mhux bil-kontra. Għalhekk li nedejna dan il-kors, kif wegħidna fil-Malta Labour Migration Policy u anke eżami li jridu jpoġġu għalih u jgħaddu minnu biex ikunu ikkunsidrati, abbażi ta’ numru ta’ kundizzjonijiet oħra, għal permess ta’ sentejn flok ta’ sena. B’dan il-mod se jkollna ħaddiema aktar imħarrġa u aktar addattati għas-soċjetà Maltija. Hija din it-triq ’il quddiem, hija din it-triq li fassalna, wettaqna u qegħdin naħsdu l-frott tagħha,” sostna l-Ministru Camilleri.

Ħaddiem li qed jaħdem fi rwol meqjus low skilled irid jagħmel dan il-programm ta’ taħriġ u eżami, li jkopri oqsma bħall-kultura, it-tradizzjonijiet Maltin, il-parteċipazzjoni ċivika, il-kuxjenza legali, l-iżvilupp personali u professjonali u t-tagħlim tal-lingwa Maltija u l-Ingliż biex jiġi kkunsidrat għal permess itwal. 

Dan filwaqt li jekk l-impjieg huwa meqjus higher skilled l-estensjoni ta’ sentejn  tingħata fuq bażi tat-taħriġ. Naturalment, il-perjodu dejjem irid ikun kopert minn kuntratt ta’ xogħol. Fi skemi speċjalizzati bħal Key Emmployment Initative (KEI), u Special Employment Initiative (SEI) u d-direttiva Blue Card jista’ jsir tiġdid sa tliet snin. Tiġdid sa tliet snin huwa possibbli wkoll għal xi ħadd li kiseb livell ogħla ta’ skills card fit-turiżmu, u jkollu kuntratt ta’ impjieg ta’ tliet snin.

Istituzzjonijiet edukattivi liċenzjati li jixtiequ joffru dan il-kors jeħtieġ jinfurmaw lil Jobsplus billi jibgħatu e-mail fuq [email protected].

Is-sillabu qiegħed jiġi ppubblikat flimkien mal-istqarrija, inkluż il-metodu ta’ assessjar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport