Il-Gvern ta l-kelma li kien se jibdel il-mod kif jiġu f’Malta l-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Din hi kelma li qed iżomm magħha.
Wara li f’Jannar 2025 tnieda dokument ta’ konsultazzjoni, minn Awwissu ta’ din is-sena beda programm ta’ implimentazzjoni ta’ din il-politika li qed tirregola b’mod ġdid il-mod kif jiġu f’Malta dawn il-ħaddiema.
Hija politika li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin, tħares id-drittijiet tal-ħaddiema kollha u tassigura li f’Malta jiġu biss ħaddiema minn pajjiżi terzi fejn meħtieġ u jekk meħtieġ għas-soċjetà Maltija.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, ħabbru li l-passi li jmiss jinkludu l-introduzzjoni ta’ Pre-Departure Course għal kull ħaddiem minn pajjiż terz li jiġi Malta.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-għan hu li f’Malta jiġu biss ħaddiema ta’ kwalità u li lesti jifhmu u japprezzaw dak li jagħmel is-soċjetà Maltija, dik li hi. Filwaqt li jiġi assigurat rispett lejn u d-drittijiet ta’ kulħadd. Tenna għalhekk li huma dawn il-ħaddiema li jiġu Malta minn pajjiżi terzi li jridu jaddattaw għas-soċjetà Maltija.
F’dan il-kors l-applikanti jridu jitgħallmu dwar il-ħajja f’Malta u kunċetti bażiċi bħal għarfien bażiku tal-lingwa Ingliża, għarfien kulturali, għarfien ta’ regoli bażiċi ta’ iġjene, drittijiet u obbligi fuq il-post tax-xogħol, u r-rispett ta’ drittijiet ċivili fost oħrajn. Wieħed imbagħad irid joqgħod għal test u jekk jgħaddi minn dak it-test biss ikun jista’ japplika biex jiġi jaħdem Malta. Li tgħaddi minn dan it-test huwa biss l-ewwel pass tal-applikazzjoni. Dan it-test li hu għal kull ħaddiem ser ikun qed jiswa €250.
F’setturi fejn tkun qed titħaddem l-iskills pass, bħalma hi preżentament fit-turiżmu, l-applikant jagħmel it-tieni parti tal-iskills pass skont is-settur. Ladarba l-iskills pass tidħol għal setturi oħra, it-tieni parti ssir għal setturi oħra wkoll, li jitħabbru fil-mument opportun mill-awtoritajiet responsabbli.
Il-Pre-Departure Course ser jibda jsir mill-5 ta’ Jannar li ġej, u mill-ewwel ta’ Marzu 2026 Identità tikkunsidra biss applikanti li għaddew minn dan il-proċess.
Il-Ministru Byron Camilleri sostna li “aħna m’għandna obbligu ninbidlu għal ħadd. Ħaddieħor għandu jinbidel għalina. Però għandna obbligu li noffru ċ-ċans lil min ġej jaħdem biex jitgħallem dwar il-kultura Maltija.”
“Tisimgħuni nemfasizza d-dinjità u r-rispett lejn kull persuna ġej minn fejn ġej, imma daqstant ieħor nemmen li mhux il-Maltin iridu jadattaw imma min jiġi Malta. Qed naraw ukoll li l-istess ħaddiema jkunu wkoll konxji tad-drittijiet tagħhom, għaliex kif tafu prinċipju importanti ieħor tal-Labour Migration Policy huwa d-drittijiet tal-ħaddiema kollha. Drittijiet li nsaħħuhom ukoll mill-istabbiltà fis-suq tax-xogħol. Għalhekk minn Jannar se nikkunsidraw permessi ta’ residenza itwal, sentejn jew tlieta, f’każ li jkun hemm investiment fil-ħiliet, ħiliet għolja jew taħriġ partikolari. Qed nieħdu dan il-pass għax nemmnu li l-istabbiltà hija aħjar milli l-ħin kollu jinġiebu ħaddiema ġodda.”
Dan hekk kif il-Malta Labour Migration Policy għandha wkoll l-għan li ddaħħal ukoll stabbiltà fis-suq tax-xogħol u li dawk li jkunu tħarġu u diġà draw Malta jikkontribwixxu għal iktar snin għax dak hu mod ieħor kif ikollok bżonn inqas ħaddiema, għax ikunu iktar produttivi. Għalhekk ħaddiema li jkunu ilhom sena Malta jista’ jkollhom il-permess tagħhom imġedded għal iktar minn sena, skont numru ta’ kundizzjonijiet.
Jekk ikun ħaddiem qed jaħdem fi rwol meqjus low skilled irid jagħmel programm ta’ taħriġ, filwaqt li jekk l-impjieg huwa meqjus higher skilled din l-estensjoni ta’ sentejn hi awtomatika. Naturalment, il-perjodu dejjem irid ikun kopert minn kuntratt ta’ xogħol. Il-programm ta’ taħriġ huwa ġdid li ser isir permezz ta’ istituzzjonijiet Maltin liċenzjati u huwa mibni fuq kurrikulu apposta li tħejja għall-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.
Il-programm ser ikopri oqsma bħall-kultura, it-tradizzjonijiet Maltin, il-parteċipazzjoni ċivika, il-kuxjenza legali u tas-sigurtà, l-iżvilupp personali u professjonali u t-tagħlim tal-lingwa kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti.
Il-Ministru Byron Camilleri tenna li “qed nagħmlu dan kollu biex b’mod prattiku u ċar ninċentivaw it-titjib fil-ħiliet, u lil min iħaddem qed ngħidulu, iva, daħħalna regoli iktar stretti, iva rdoppjajna l-prezzijiet għall-applikazzjonijiet ta’ ħaddiema ġodda, imma jekk tinvesti fl-istess ħaddiema, jekk taħdem bis-serjetà int ukoll tista’ tgawdi minn iktar stabbiltà fil-kumpanija jew negozju tiegħek. Mela l-messaġġ huwa li aħna se nagħtu aktar vantaġġ lil dawk li jirrispettaw lil pajjiżna u mhux lil min jara Malta biss bħala waqfa għall-Ewropa. Lanqas konna lesti nħallu politika li tinċentiva l-abbuż minn xi wħud li kienu jaħsbu li tista’ ġġib u tellaq il-ħaddiema qishom xi oġġett. U l-messaġġ bgħatnieh.”
Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li “dak li qed nippreżentaw illum huwa aktar minn tibdil tekniku iżda huwa dikjarazzjoni soda ta’ lejn fejn irridu mmorru. Irridu mmorru lejn Malta fejn kulħadd iħossu parti mit-triq ’il quddiem fejn b’sens ta għaqda nieħdu gost bis-suċċess ta’ pajjiżna, li jitqassam bejn kulħadd. Din hija riforma li ssaħħaħ il-forza tax-xogħol tagħna, tappoġġja integrazzjoni ġenwina u tipproteġi r-reputazzjoni tal-prodott turistiku Malti filwaqt li tiżgura li l-industrija tal-ospitalità u oħrajn tagħna jibqaw kompetittivi, reżiljenti, u lesti għall-isfidi tal-futur.”
Miżuri oħra mħabbra:
Suitability Check.
Kull applikant se jgħaddi minn dak magħruf bħala Suitability Check li jsir minn Jobsplus u se jintalbu dokumenti mill-erba’ indikati hawn taħt.
1. Iċ-ċertifikat tal-Pre-Departure Course jew Skills Pass.
2. Approvazzjoni mill-korp regolatorju relevanti f’każ ta’ professjonijiet regolati fejn din l-approvazzjoni tkun meħtieġa għad-dmirijiet speċifiċi tal-irwol.
3. Rikonoxximent tal-kwalifiċi miċ-Ċentru Malta Qualifications Recognition and Information Centre (MQRIC), fejn applikabbli.
4. Dikjarazzjoni ta’ min se jħaddem fejn jikkonferma l-fatt li dak l-impjegat hu addattat għal dak l-impjieg partikolari.
Jobsplus tista’ titlob kwalunkwe dokumentazzjoni jew informazzjoni addizzjonali skont il-każ.
Tisħiħ fl-infurzar. Desk investigations aktar stretti.
Id-direttiva tas-Single Permit ser tkun emendata biex jissaħħaħ l-infurzar tal-liġijiet kontra l-abbuż tal-ħaddiema. Fost oħrajn ser tingħata s-saħħa lill-awtoritajiet Maltin biex jiskwalifikaw kumpaniji jew persuni li jħaddmu, milli japplikaw għal ħaddiema minn pajjiżi terzi f’każ li jkun instab li kissru l-liġijiet tad-drittijiet tal-ħaddiema u għalhekk sfruttaw lill-istess ħaddiema. Bl-istess mod min iħaddem m’għandu jirċievi ebda kumpens finanzjarju mill-ħaddiema b’rabta mal-ingaġġ (recruitment) tagħhom jew it-tmiem tal-impjieg tagħhom, bi ksur tal-liġi.
Dawn il-miżuri jingħaqdu ma’ dak implimentat fl-aħħar xhur. Fosthom:
- Ġew stabbiliti rati minimi ta’ terminazzjoni qabel applikazzjonijiet ġodda
- Issaħħaħ l-obbligu li wieħed jirreklama l-opportunità ta’ xogħol
- Min ikeċċi ħaddiema bla raġuni fit-tnax-il xahar ta’ qabel ma jistax japplika għal ħaddiema ġodda
- Enfasi fuq is-sottomissjoni fil-ħin tal-formoli ta’ impjieg u terminazzjoni
- Il-prezz għall-ħaddiema ġodda rdoppja, bl-eċċezzjoni ta’ setturi bħas-saħħa, u l-kura tal-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà.
- Min mhux konformi mal-liġi li titlob li jiġu impjegati ħaddiema b’diżabbiltà jew jitħallas kumpens, mhux jitħallew jimpjegaw ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi.
- Daħlu restrizzjonijiet ġodda għal min ma jiġix b’Visa tax-xogħol.
- Daħlet bidla li tassigura li salarji jidħlu fil-kont tal-bank jew isiru b’mod elettroniku.
Iktar tagħrif wieħed isibu fuq il-website ta’ Jobsplus, filwaqt li teżisti l-helpline 153 li nħolqot għal dan il-għan.


