Sunday, December 22, 2024

Kotba bi propaganda Nażista mwaqqfa milli jinbiegħu minn Amazon … f’Malta tinbiegħ bijografija ta’ Hitler

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

M’hemm ebda dubju li dak li seħħ fl-aħħar jiem b’mod partikolari programm imxandar fuq l-iStazzjon nazzjonali tal-Istat dwar ktieb ta’ awtobijografija dwar id-dittatur Nażista Adolf Hitler, wassal biex għadd ta’ persuni, bir-raġun kollu, ħassewhom offiżi.  Meta tara dak li xxandar u dak li ntqal, il-mistoqsija li tqum hi dik ta’ “kif tista’ tasal li tagħti spażju għal materjal bħal dan?”.  Tqum mistoqsija kif ħadd ma induna, ħadd ma xegħlitlu bozza ħamra, li dak li kien qed jingħad, dak li jgħid il-ktieb, m’għandux jixxandar jew jingħata pubbliċità fin-nuqqas ta’  analiżi kritika minn storiċi. Fuq kollox, issa li xxandar, iqum il-punt ta’ x’rimedju se jkun hemm? Wieħed jittama li jixxandar programm riċerkat  li janalizza, jgħarbel u jikkoreġi dak li intqal fil-programm oriġinali.

Fuq kollox wieħed irid jistaqsi kif dan il-ktieb spiċċa fuq l-ixkafef ta’ xi ħwienet tal-kotba, għalkemm jidher li imbagħad kien hemm minn iddeċieda li jneħħieħ. 

Dak li seħħ f’pajjiżna, bil-ktieb jinbiegħ f’xi ħwienet u bi programm fuq l-istazzjon nazzjonali li fih ma naqsux dikjarazzjonijiet  bħala “li Hitler irnexxielu jkeċċi l-Lhud mill-Ġermanja bla ma inqatlet persuna”, jistona bil-kbir ma’ deċiżjoni li kienet ittieħdet mill-Amazon. Wara pressjoni li kienet saret minn organizazzjonjiet Lhud, il-ktieb tal-‘Mein Kampf’ ma kienx baqa’ jinbiegħ minn Amazon. Miegħu ma baqgħux jinbiegħu ukoll kotba oħra offensivi marbutin man-Nażiżmu.

Irid jingħad li fl-aħħar sigħat saret apoloġija mill-preżentatur. Minn naħa tiegħu l-PBS fl-aħħar sigħat il-PBS irċeviet numru ta’ ittri b’reazzjonijiet u kritika dwar diskors u dikjarazzjonijiet li għamel l-awtur Ronald Bugeja waqt il-programm “Ħajjitna Ktieb” li xxandar fit-23 ta’ Marzu fuq TVM. Il-PBS tikkundanna bil-qawwa kollha dawn id-dikjarazzjonijiet li għamel l-imsemmi awtur Ronald Bugeja. 

Imma lil hinn minn apoloġiji u investigazzjonijiet,  dan il-każ qed juri sintomu li qed tbati bih is-soċjetà. Soċjetà siekta. Soċjetà passiva. Rajna programm imxandar kważi xahar ilu, u tista’ tgħid ħadd ma ilmenta, għajr fl-aħħar jiem meta saru dikjarazzjonijiet dwar dan.  

Wieħed jista’ faċilment jgħid jistaqsi jekk il-kritika li saret kinitx qawwija biżżejjed. U hawn toħroġ problema oħra. Għal dak li ntqal u dak li jgħid il-ktieb, tistenna reazzjoni qawwija ħafna. Dan imma ma ġarax. Għaliex? Sar jgħaddi kollox? Sirna ħafna indivdwalisti? Jinteressana minna biss? Illum għandna ukoll fenomenu ieħor li qed jolqot is-soċjetajiet. Dan hu it-tnaqqir tal-valuri, li donnu aktar mhu jgħaddi żmien aktar qed jiddgħajfu. 

Qegħdin ngħixu f’soċjetà moderna u materjalistika għall-aħħar. Moderniżmu li tejjeb il-kwalità tal-ħajja, imma dan ħoloq fenomenu ġdid u dan hu dak tat-tnawwir tal-valuri morali. Illum tinħass sew li eżempji prattiċi ta’ moralità u etika, qegħdin dejjem jonqsu. Waqt li għandna soċjetà li mil-lat materjali qed tikber u tissaħħaħ, fuq in-naħa l-oħra għandna soċjetà li qed tara l-progress morali u etiku tagħha sejjer lura bħal granċ. Tħares fejn tħares, dan it-tnawwir se tarah ċar. Fil-familji, fiż-żgħażagħ tagħna, fit-tfal li telgħin, u f’oqsma varji tas-soċjetà. Kollox idur mal-konsum u minħabba l-importanza li qed jingħata, oqsma varji mhux qegħdin jaraw aktar lil bniedem bħala uman imma bħala klijenti. Tħares lejn logħob onjlajn tat-tfal, films u filmati u tara li l-vjolenza mhux qed nippruvaw ninnewtralizzawha imma qegħdin nigglorifikawha. F’dawk li qegħdin jaraw it-tfal u żgħażagħ tagħna, qegħdin naraw li l-vjolenza u l-element vulgari hu l-ordni tal-ġurnata. L-impatt fuq il-ġenerazzjoni li jmiss żgur li mhux se jkun pożittiv.

B’rabta ma’ dan il-ktieb fuq l-istazzjon nazzjonali smajna dikjarazzjonijiet xokkanti bħal  li ‘Hitler irnexxielu jkeċċi l-Lhud kollha mill-Ġermanja bla ma nqatlet persuna”. Nisimgħu kif jingħad li l-Lhud, il-Komunisti u l-barranin wasslu għal sitwazzjoni ħażina fil-Ġermanja.  “Ried jagħti l-pajjiż lill-Ġermaniżi. Il-Ġermanja spiċċat tal-barranin. M’hemmx kelma oħra x’tgħid”, jgħid l-awtur fil-programm. 

Fil-ktieb fl-aħħar parti tiegħu jinkiteb hekk “nixtieq nispiċċa bi kwotazzjoni li ktibt apposta għal dan il-ktieb rigward Adolf Hitler innifsu.

‘Uħud jippreferu jiftakru f’Hitler, fl-imwiet u għax għamel dik il-ħruxija! Iżda ħafna jippreferu jiftakru f’Hitler, kif għex u xi rnexxielu jagħmel għal pajjiżu.’  F’parti tal-ktieb jingħad li “dejjem jippruvaw iġagħluk tinsa jew teqred it-tajjeb u dan biex ineħħu l-mertu li jixraq  lil dan il-Kbir.” Il-kelma kbir insibuha enfasizzata u b’ittri kapitali.

Minn dan il-każ toħroġ tagħlima. Tista’ is-soċjetà toqgħod kwieta? Tista’ tibqa’ passiva. Le. Fuq kollox, hemm bżonn li naraw x’inhu dak li qed jhedded il-valuri tagħna. X’wassal biex il-valuri tnawwru b’dan il-mod. Fuq kollox wieħed irid jara x’hemm bżonn isir biex bil-mod il-mod, insaħħu l-valuri u l-etika.

Ekonomija

Sport