Kowċ tal-basketball tressaq il-Qorti mixli li f’Lulju li għadda allegatament abbuża sesswalment minn tifla ta’ 15-il sena li jgħallimha l-basketball.
Ir-raġel, li għandu 41 sena u huwa ta’ nazzjonalità Taljana, ilu għal dawn l-aħħar snin jgħix Malta. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu fosthom li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tifla taħt l-età, li żammha kontra l-volontà tagħha, li kkorrompiha, li talabha favuri sesswali u li kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħha.
Il-każ seħħ meta l-kowċ kien ħa lill-istudenti tiegħu għal tournament fl-Italja. L-allegat abbuż seħħ fil-lukanda li kienu qed joqogħdu fiha. Malli waslu lura Malta, it-tifla kien irrapportat li l-kowċ allegatament kien abbużaha sesswalment.
Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest. Id-Difiża ppreżentat ukoll ritratt li tellgħet it-tifla fuq il-midja soċjali li turi partijiet minn ġisimha.
Il-Maġistrat Victor Axiak ordna sabiex ir-raġel jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv minħabba li għad trid tixhed l-allegata vittma.
L-Avukati Ishmael Psaila u Adrian Sciberras dehru għall-imputat.