Friday, February 20, 2026

Kreditu fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-għaqdiet volontarji fl-oqsma tad-diżabilità u l-benesseri tal-annimali

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, flimkien mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), ħabbar miżura ġdida ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu fl-oqsma tad-diżabilità u fil-ħarsien tal-annimali. Din kienet waħda mill-miżuri mwiegħda fil-Budget 2026.

Ħabbret din il-miżura l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandolo, waqt żjara li huma għamlu f’santwarju tal-annimali mmexxi mill-Malta Society for the Protection and Care of Animals (MSPCA) fil-Floriana.

Biex jiġi rrikonoxxut il-kontribut vitali li l-organizzazzjonijiet volontarji jagħmlu lis-soċjetà Maltija, u l-pressjonijiet finanzjarji tagħhom, qiegħdha tiġi introdotta skema ta’ kreditu fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-organizzazzjonijiet eliġibbli. Għaldaqstant, dawk l-għaqdiet involuti f’servizzi relatati mad-diżabilità u l-ħarsien tal-annimali ser ikunu jistgħu japplikaw biex jieħdu lura l-flus li jkunu ħallsu f’kontijiet tad-dawl u l-ilma sa massimu ta’ €1,500 f’sena għal għaqdiet żgħar u medji (Kategoriji rreġistrati bħala 1 u 2) u sa massimu ta’ €2,500 f’sena għall-għaqdiet il-kbar (Kategorija 2). Din il-miżura, li għandha €100,000 allokati għaliha, ser tapplika għall-elettriku u l-ilma fornuti lill-proprjetajiet irreġistrati u użati minn għaqdiet eliġibbli għal din l-iskema.

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ser ikun qiegħed jippubblika l-linji gwida sħaħ dwar l-eliġibbiltà u l-proċeduri ta’ applikazzjoni. L-organizzazzjonijiet għalhekk huma mħeġġa jżommu u jħejju d-dokumentazzjoni meħtieġa, inkluż il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “din il-miżura hija xhieda ċara tal-viżjoni tagħna ta’ pajjiż li ma jħalli lil ħadd warajh. L-għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità u tal-ħarsien tal-annimali huma dawk li kuljum, b’dedikazzjoni u b’qalb kbira, jimlew il-vojt fejn hemm bżonn l-aktar. Permezz ta’ din l-iskema ta’ kreditu fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, qed nibagħtu messaġġ politiku ċar: li l-volontarjat mhux biss nirringrazzjawh bil-kliem, imma nappoġġjawh b’azzjonijiet konkreti. Qed inwettqu dak li wegħedna fil-Budget 2026 u qed ninvestu direttament fil-ħidma ta’ min jagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ persuni vulnerabbli u fil-ħarsien tal-annimali. Din il-miżura mhijiex biss għajnuna finanzjarja imma hija wkoll affermazzjoni tal-impenn tagħna lejn soċjetà aktar ġusta, aktar sensittiva u aktar solidali.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo, qal li “dan l-inċentiv huwa mfassal biex inaqqas direttament l-ispejjeż operattivi għall-organizzazzjonijiet volontarji, biex b’hekk iżid il-kapaċità tagħhom li jinvestu r-riżorsi tagħhom f’servizzi, programmi u l-attivitajiet tagħhom.”

L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport