Thursday, December 26, 2024

Krista Šujak Tniedi ‘Stronger’ – Kollaborazzjoni Internazzjonali

Aqra wkoll

Il-kantawtriċi ta’ 16-il sena, Krista Šujak impenjata bħal dejjem biex toħloq u tniedi mużika oriġinali, tant li proprju llum tirritorna fix-xena tal-mużika lokali bi Stronger. Il-kanzunetta, mill-pinna ta’ Krista Šujak, għandha wkoll kompożizzjoni tal-istess Krista Šujak iżda megħjuna minn Roy Hamilton III, isem magħruf sew fix-xena tal-mużika internazzjonali hekk kif kien nominat għal Grammy Award. Permezz ta’ din il-kanzunetta, Krista twassal messaġġ b’saħħtu ta’ reżiljenza u saħħa.

“Fil-fehma tiegħi, Stronger hija innu ta’ ispirazzjoni li titkellem dwar l-ispirtu tal-individwu. Fiha xtaqt tassew nitkellem dwar id-diversi ostakli li l-bniedem isib tul ħajtu, ostakli li dejjem jirnexxielu jegħleb, għaliex ma jaqta’ qalbu qatt, u għaldaqstant fl-aħħar isib lilu nnifsu aktar b’saħħtu.” tgħid il-kantawtriċi Krista Šujak fuq ir-raba’ rilaxx tagħha f’dawn l-aħħar ftit snin. Il-kanzunetti li hija nediet qabel din tal-lum, kellha sehem fihom bħala kantanta, kompożitriċi u anke produttriċi. Dawn kienu: Għalik Missier, Bl-Indipendenza u Help Her

Dak li jiddistingwi lil Stronger minn siltiet oħra li nediet qabel hija l-kollaborazzjoni bejn Krista Šujak u Roy Hamilton III. Magħruf għax-xogħol tiegħu ma’ ikoni mużikali bħal Britney Spears, Michael Jackson u JoJo, Roy skopra it-talent ta’ Krista meta interpretat il-kanzunetta Goodbye Yellow Brick Road waqt Sanremo Junior Malta 2022, fejn kienet mistiedna wara li rebħet l-edizzjoni tas-sena ta’ qabel.

Din il-kollaborazzjoni, li saret online fuq medda ta’ sena bejn l-2022 u l-2023 rriżultat fi Stronger, kanzunetta li proprju mil-lum hija disponibbli għal kulħadd fuq diversi pjattaformi diġitali fosthom: Spotify, YouTube u Apple Music. Fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali Facebook u Instagram, il-kanzunetta se tkun akkumpanjata minn vidjo ta’ lirika b’differenza, maħdum fis-suq internazzjonali. 

Ekonomija

Sport