Jesper Kristiansen, it-tielet suspettat bl-involviment fil-qtil doppju f’Tas-Sliema, baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjub.
Wara li nqraw l-akkużi kontra Kristiansen, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat l-iffriżar tal-assi tal-akkużat.
Kristiansen, li huwa Daniż, ħareb minn Malta lejn Spanja fejn kien arrestat u wara li tressaq fil-Qorti tal-pajjiż din laqgħet it-talba ta’ pajjiżna biex jiġi estradit ħalli l-Pulizija jkunu jistgħu jinterrogawh.
Huwa t-tielet persuna li ġie arrestat u mixli bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski li nqatlu f’darhom fit-18 ta’ Awwissu li għadda.
It-tabib Malti ta’ 56 sena u s-sieħeb tiegħu, li kien ċittadin Ingliż ta’ dixxendenza Pollakka u kellu 30 sena nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar.
Dwar dan id-delitt għaddejjin proċeduri fil-Qorti żewġ barranin oħra, l-Albaniż Daniel Muka u l-Maċedonu Viktor Dragomanski.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon, bl-Avukat George Camilleri jidher għall-Avukat Ġenerali.