Thursday, December 26, 2024

‘Kristu hu mħabba, ħniena u mogħdrija’ – Mons. Charles Cordina

Aqra wkoll

Mons. Charles Cordina għadu kemm iċċelebra l-50 sena saċerdozju. Hu m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni u hu magħruf bħala saċerdot ħanin, qalbu tajba u dejjem irid jara lil kulħadd kuntent. F’din l-okkażjoni, din il-gazzetta ħadet il-kummenti ta’ Monsinjur Cordina li b’ċertu ħerqa rrisponda għal dak li saqsejnih. 

Hu jibda billi jgħidilna li dan il-50 sena għaddew bħal ħolma u jqisha bħala esperjenza li mlietlu qalbu. Hu saħansitra jirringrazzja lil Alla li tah ħafna opportunitajiet fejn ħadem f’diversi oqsma dejjem għall-ġid tan-nies.

Hu jitkellem dwar frażi li laqtitu mill-Bibbja u li hu dejjem iżommha f’moħħu u japplikaha.

“Jien qed ngħidilkom dan kollu biex il-ferħ tiegħi jkun fikom – frażi li qalha Ġesu’ Kristu. Illum il-ġurnata għandi 75 sena u rari nkun imdejjaq speċjalment meta napplika din il-frażi f’ħajti. Inħoss li għandi l-paċi f’qalbi u ma jonqosni xejn speċjali. Jien napprezza ħafna s-sabiħ tal-ħajja u dan il-ferħ u pożittivita’ inħobb ngħaddih lil ħaddieħor.”

Monsinjur Charles Cordina qal li llum il-ġurnata l-bniedem qed ikun imtaqqal ferm u għalhekk id-dmir tiegħu hu li jismagħhom u jara kif jista’ jaġevolah minħabba li jħossu mtaqqal. Meta bniedem jisma’ lil ħaddieħor, japprezza dak li qed jagħmel għalih u l-preżenza tiegħu tagħmel l-affarijiet iktar faċli. 

Iżda Monsinjur Charles Cordina li ra li nbidlu l-knisja u anke s-soċjeta’ Maltija inġenerali?

“Nista’ ngħidlek li f’ħamsin sena kollox inbidel. Anke jien ma bqajtx dak li kont involut f’bidla fiżika mill-aqwa. Iż-żminijiet jinbidlu m’hemmx dubju għalkemm inbidel ukoll il-mod kif ngħixu.”

“Anke l-knisja globali nbidlet speċjalment wara l-aħħar konċilju. Jien niftakar quddies bil-Latin biss u b’enfażi fuq il-liturġija biss. Illum qed naraw atteġjament differenti fejn il-knisja qed tieħu aktar interess lejn l-individwu, turi dak il-wiċċ ħanin lejn min għandu bżonn apparti li twassal ħafna mħabba.”

Minkejja kollox Monsinjur Cordina rrimarka kemm illum żdiedu l-problemi f’ħafna persuni speċjalment familji. Qabel il-ħajja kienet iktar sempliċi u n-nies kienu japprezzaw iktar dak li kellhom. Hu ġab eżempju b’rigal li kien tah missieru meta kellu 18-il sena u fejn hu kien daħal is-Seminarju. Hu qal li dak iż-żmien kienet xi ħaġa kbira li xi ħadd itik rigal u pront japprezzaw dak li kienu jaqilgħu.

“Kulħadd kien jieħu pjaċir mix-xejn iżda llum l-affarijiet inbidlu. Nista’ ninnota li hemm ċerta diżintegrazzjoni tal-familja speċjalment f’ċerti messaġġi li l-mezzi tax-xandir b’xi mod jew ieħor li jtuna mod kif bejn il-parenteżi wieħed jista’ jkun kuntent u jaljena ruħu b’ċerti affarijiet.”

“Fi żmieni kellna familjarita’ sħiħa mal-ġirien li kienu qishom aħwa. Konna nħallu ċ-ċavetta barra u konna nidħlu għand xulxin. Dan kollu bħal donnu spiċċa anke għax il-progress ġabna qisna robots b’ħafna ġenn u ma nistgħu nlaħħqu ma’ xejn. Dan hu stil ta’ ħajja li ma tantx hu sabiħ għax il-bniedem spiċċa magna.”

Iżda l-knisja għadha rilevanti għas-soċjeta’ tal-lum il-ġurnata?

“Nibda billi ngħid li Ġesu’ Kristu qiegħed dejjem hemm. Jibqa’ validu sal-lum il-ġurnata għax iwassal messaġġ divin f’soċjeta’ li llum il-ġurnata qed issir dejjem iktar sekularizzata. Hu importanti li bħala qassis jew saċerdot wieħed iwassal l-imħabba t’Alla fi djar għax bħalma nafu l-bniedem għandu bżonn ħafna spiritwalita’ anke llum fejn qisu t-triq t’Alla tidher mitlufa. Il-qassis ma jaqtax qalbu u jwassal dan il-messaġġ bil-mezzi tal-lum il-ġurnata biex nilħqu iktar individwi.”

Huwa wkoll żmien fejn il-vokazzjonijiet bħal donnhom qed jonqsu. Ftit qed ikunu dawk l-individwi li jilħqu saċerdoti jew qaddisin.

Monsinjur Cordina jgħid li fi żmienu kienu qaddsu 51 saċerdot b’Monsinjur Gonzi li dak iż-żmien kien l-Arċisqof ta’ Malta li wkoll għamlu qassis.

“Nemmen li Alla għadu jsejjaħ żgħażagħ ġodda li aktar tard isiru seminaristi sa ma jieħdu l-formazzjoni neċessarji u eventwalment jieħdu s-sagrament tas-saċerdozju.”

“Illum qed naraw nuqqas fis-seminaristi minħabba l-ambjent li qed nitwieldu fih. Naqas l-ispazju fejn wieħed jista’ jimraħ, sirna wisq magħluqin u apparti minn hekk l-esperjenza t’Alla mhux kulħadd qed jirnexxielu jgħixha. Dawn id-distrazzjonijiet qed ikunu determinanti sabiex jonqsu l-vokazzjonijiet.”

“Barra minn hekk b’xorti ħażina m’għandnix ċans nisimgħu din is-sejħa għax hawn ħafna storbju u m’hawnx dak l-ambjent san li kien hemm qabel fil-familja tipika Maltija. Kemm telgħu vokazzjonijiet mill-familji b’saħħithom li għalihom kien ikun ta’ unur li jkollhom qassis jew saċerdot fil-familja. Illum din ma titrabbiex iżda trid tiltaqa’ magħha qalb dan l-istorbju li qed ngħixu fih.”

Monsinjur Charles Cordina tenna kemm in-nies saru inqas responsabbli fejn xi individwi jfarfru minnha għax jafu li hemm ix-xogħol. Dan kollu mhux sew għax m’aħniex inkunu kontabbli lejn ħaddieħor u l-imħabba lejn il-proxxmu naqset. U jekk bniedem jaħseb għalih innifsu u jwarrrab lil ħaddieħor, hemmhekk verament ikun egoist. 

“Eżempju klassiku qed iseħħ ukoll fil-futbol. Riċentement kont f’funeral ta’ eks-plejer famuż tal-futbol bil-quddiesa li kienet qed titqaddes minn Fr Hillary Tagliaferro. Skont Fr Hillary, dan il-plejer partikolari kien kburi li libes il-flokk tat-tim tar-raħal tiegħu għal numru ta’ snin u u kien iħossu kuntent u kellu identita’. Hu jqis li dan kollu spiċċa wkoll minħabba li l-flus għamlu lil kulħadd għomja.”

Monsinjur Cordina sostna kemm in-nies ma sarux japprezzaw u naqset il-lealta’. Il-volontarjat naqas ukoll u kulħadd ifittex il-flus. Madankollu hu ma jaqtax qalbu għax jemmen fil-provvidenza t’Alla.

Madankollu Monsinjur Charles Cordina jemmen li jekk il-bniedem iwarrab lil Alla ma jista’ qatt jgħix kuntent.

“Alla jagħmel differenza kbira f’ħajtek u jkun il-gwida u d-direzzjoni tiegħek dejjem jekk tħallih jaħdem fuqek. Hu veru li l-ħajja qatt m’hu se timxi fuq ir-rubini iżda Alla lest li jtaffilek dan id-dulur. Trid tħallih jidħol f’qalbek u wieħed jista’ jara d-differenza.”

Monsinjur Cordina jqis l-esperjenza m’Alla bħala waħda li biddlitlu ħajtu. Hu jżur il-morda, dawk li jinsabu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u nies oħra fil-bżonn. Iħoss li meta jimxi fuq l-esperjenza li wettaq Ġesu’ Kristu, jista’ jifhem aktar lin-nies u jgħinhom b’dik il-kelma ta’ kuraġġ. Bla dubju li dawn in-nies qed ibatu u kelma ta’ kuraġġ wara li tkun smajthom tgħin mhux ftit. Kif jgħid hu, Alla hu dejjem dak l-ispirtu li jmexxik ‘il quddiem.

Għalhekk Monsinjur Charles Cordina jagħlaq din l-intervista billi jwassal messaġġ qawwi ta’ kuraġġ.

“Għandna ngħidu iva għas-sejħa t’Alla. Din saret sfida llum il-ġurnata f’dinja iddominata minn ħafna storbju, distrazzjonijiet fejn il-ħażin sar tajjeb u fejn it-tajjeb ironikament sar ħażin. Madankollu m’għandniex naqtgħu qalbna u nħallu lil Alla jkellimna.”

“Jien għamilt 50 sena saċerdot s’issa ngħin lin-nies speċjalment dawk li jbatu, li jinsabu bla dar, residenti fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, nies li jiġu bżonn il-CARITAS u ħafna oħrajn. Hawn realtajiet xejn sbieħ illum il-ġurnata. Iżda jien dejjem inwassal messaġġ ta’ kuraġġ għax nemmen ħafna fil-ħniena ta’ Ġesu’ Kristu. U tiskanta meta noħroġ minn hemm inħoss paċi kbira u kuntentizza bħal qatt qabel.”
“Għalhekk finalment m’għandniex naqtgħu qalbna u nħallu lil Kristu jmexxina fit-triq tas-sewwa. Għax Kristu hu mħabba, ħniena u mogħdrija. Hu jmexxina fit-triq tas-sewwa u għalhekk għandna nintelqu fi ħdanu sabiex dejjem inkunu kuntenti.”

Ekonomija

Sport