Il-Premier League, l-EFL u l-SPFL ikkonfermaw l-oppożizzjoni tagħhom għall-pjan tal-FIFA li tiġi organizzata t-Tazza tad-Dinja kull sentejn.
Dawn huma membri tal-forums tal-Lega Ewropea u l-Lega Dinjija, li ħarġu stqarrijiet fejn qalu li “opponew bis-sħiħ u b’mod unanimu” li jnaqqsu ż-żmien tat-tournament minn erba’ snin għal sentejn.
Hemm tħassib kbir dwar kalendarju diġà konġestjonat kemm domestikament kif ukoll internazzjonalment.
Il-Kungress tal-FIFA qabel ma’ studju ta’ fattibilità dwar il-bidla tal-kalendarju f’Mejju. Dan wara li ntalab mill-federazzjoni tal-football tal-Arabja Sawdita.
“Il-kampjonati opponew bil-qawwa u b’mod unanimu kull proposta biex tiġi organizzata t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA kull sentejn,” intqal fl-istqarrija tal-Kampjonati Ewropej.
“Il-kampjonati se jaħdmu flimkien ma’ partijiet interessati oħra biex jipprevjenu lill-korpi governattivi tal-football milli jieħdu deċiżjonijiet unilaterali li jagħmlu ħsara lill-football domestiku, li huwa l-pedament tal-industrija tagħna u ta’ importanza kbira għall-clubs, players u partitarji madwar l-Ewropa u d-dinja.
“Kompetizzjonijiet ġodda, imġedda jew estiżi għall-football tal-clubs u tat-timijiet nazzjonali mhumiex is-soluzzjonijiet għall-problemi attwali tal-logħba tagħna f’kalendarju diġà konġestjonat.”
Din issegwi dikjarazzjoni mill-Forum tal-World Leagues li qal li Tazza tad-Dinja kull sentejn “tfixkel b’mod negattiv l-ekonomija tal-football u ddgħajjef il-benesseri tal-players”.
Il-president tal-FIFA, Gianni Infantino, żvela li jittama li tittieħed deċiżjoni mill- assoċjazzjonijiet membri tal-korp governattiv dinji sal-aħħar tas-sena.